F’kummenti diretti , il-preżentatur magħruf John Bundy tkellem b’mod apert fuq il-ġurnaliżmu ta’ ONE News, fejn akkużah li spinja kliemu u mmanipula filmat minn podcast riċenti tal-Partit Laburista biex joħloq reazzjoni negattiva fil-pubbliku.
Bundy kien qed jirreferi għal klipp qasir li nxtered fuq il-midja soċjali, li skontu ma jirriflettix il-kuntest sħiħ tal-intervista li damet aktar minn siegħa. Huwa sostna li t-teknoloġija llum tagħti l-faċilità kemm biex jinħolqu affarijiet tajbin kif ukoll biex issir ħsara deliberata.
F’kritika diretta, Bundy qal li l-editing tal-filmat kellu skop wieħed li jipprovoka lill-pubbliku sabiex jiżvoga fl-insulti, u allega li min kien wara dan l-editing kien qed ifittex reazzjonijiet negattivi u kummenti offensivi fuq il-midja soċjali.
Min naħa l-oħra Bundy qal li ma jħossux imweġġa’ mill-kummenti li saru kontrih, u sostna li kulħadd għandu d-dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu inkluż hu stess.
Huwa enfasizza li l-filmat li nxtered kien biss farka żgħira minn podcast estensiv immexxi minn Dean Hili, li Bundy faħħar għall-preżentazzjoni tiegħu.
Bundy temm billi sejjaħ dan l-istil ta’ rapportar bħala ġurnaliżmu “tal-biċċa” u sostna li dan it-tip ta’ editing u rappurtar ma jagħmel ġieħ lil ħadd u jkompli jżid mal-polarizzazzjoni fil-midja Maltija.



