Is-sistema taċ-childcare f’Malta ma kinitx intiża għall-interess tat-tfal iżda biex joħorġu aktar nies jaħdmu.
Sostna dan il-konsulent David Spiteri Gingell fuq il-ġurnal The Malta Independent hekk kif insista li dan huwa kif fattwalment is-sistema ġiet introdotta. Spiteri Gingell saħaq li fl-2014, l-Ministru għax-xogħol ta’ dak iż-żmien, Evarist Bartolo, kien għamilha ċara li l-għan kien biex aktar ommijiet u missirijiet jistudjaw u joħorġu jaħdmu.
L-eks Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, kien għaqqad l-iskema ma inizjattiva biex in-nisa jkunu xprunati jipparteċipaw aktar fid-dinja tax-xogħol u għalhekk il-ħsieb wara s-sistema taċ-childcare kien kompletament wieħed ekonomiku u mhux għall-iżvilupp tat-tfal – fi kliem sempliċi t-trobbija ta’ uliedna ntużat għal għan ieħor.
Spiteri Gingell – li hu konsulent rispettat minn kulħadd – spjega kif fl-2016 kien hemm 98 ċentru taċ-childcare, u sal-2023 dawn żdiedu għal 195 fejn saħaq ukoll li l-kwalità ma baqatx iżżomm il-pass mat-tkabbir u li diversi studji urew li numru ta tfal ma kienux qed jinżammu b’mod adegwat. Dan hekk kif ħareġ li t-tfal ma kienux qed jiġu edukati iżda sempliċiment kellhom min jieħu ħsiebhom sakemm il-ġenituri jmorru għax-xogħol.
Intqal illi id-Dipartiment għal Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni insista fuq numru ta’ riformi biex jaċċertaw li t-tfal ikunu f’ambjent adattat; madanakollu l-istatistika turi li dawn ir-riformi ma kienux biżżejjed jew ma kienux qed jiġu segwiti.
Huwa sostna li filwaqt li Malta mxiet fid-direzzjoni tajba fejn għandu x’jaqsam standards u regoli nazzjonali, hemm gap kbira bejn dak li huwa mistenni u l-infurzar hekk kif minn spezzjonijiet li jsiru, 70% mill-każi jinstabu li mhux qed iżommu mal-istandards meħtieġa.
Spiteri Gingell b’hekk spjega li l-interessi tat-tfal mhux qed jiġu protetti.
Huwa insista li bl-ebda mod ma jrid jikkritika ċ-childcare, jew il-fatt li l-ġenituri jridu joħorġu jaħdmu t-tnejn iżda sostna li s-sistema trid tkun waħda li taqdi l-ħtiġijiet ekonomiċi waqt li tieħu verament ħsieb l-edukazzjoni ta’ uliedna.
B’hekk saħaq li issa wasal iż-żmien li verament nosservaw l-istandards meħtieġa u li ninfurzawhom għal ġid ta’ uliedna.
//= $special ?>

