Lokali

Il-Pulizija tarresta żewġt irġiel akkużati ma’ ċirku ta’ kriminalità internazzjonali tad-droga

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis, il-Pulizija qalet matul dawn l-aħħar jumejn wettqet b’suċċess żewġ arresti b’rabta ma’ allegat importazzjoni u traffikar tad-droga, u li kienu qegħdin joperaw flimkien f’ċirku ta’ kriminalità internazzjonali.

Fl-ewwel ħidma, il-Pulizija arrestat Olandiż ta’ 54 sena li kien għadu kemm wasal Malta t-Tlieta li għadda fuq titjira minn Brussell. Moħbi fil-qalziet huwa nstab iġorr madwar kilo sustanza suspettata
kokaina b’valur fit-triq li taqbeż il-€130,000.

Mill-investigazzjonijiet estensivi illi saru, din id-droga kienet se titwassal lil persuna li allegatament
huwa suspettat prinċipali li kien qed jopera l-allegat traffikar f’pajjiżna.

Wara osservazzjonijiet fit-tul, l-Erbgħa waranofsinhar, il-Pulizija arrestat lil din il-persuna, Marokkin ta’ 43 sena li jgħix fl-Imsida.

Mit-tfittxijiet li saru mill-Pulizija fir-residenza tiegħu, il-Pulizija ssekwestrat aktar minn €45,000 fi flus kontanti, vettura Maserati, kif ukoll arloġġi, ġojjellerija, ħwejjeġ, żraben u basktijiet tad-ditta.

B’rabta ma’ dawn l-arresti infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Philip Galea
Farrugia.

Iż-żewġt irġiel qegħdin jinżammu arrestati u mistenni jitressqu l-Qorti l-Ħamis, għall-ħabta tal-ħdax u
nofs tal-Ħamis filgħodu, quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici fejn qed jiġu akkużati
bl-importazzjoni, pussess u traffikar tad-droga, ħasil tal-flus u kriminalità organizzata.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta