Festi Knisja Lokali

Ir-Rabtin jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp

Ir-Rabtin iċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp – Dan hekk kif fid-disa’ ta’ filgħodu ġie ċċelebrata il-quddiesa  tal-Pontfikal Solenni.

U għal darba oħra l-Maltin u l-Għawdxin żammew l-appuntament tagħhom f’ġurnata pjuttost xemxija sabiex jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp billi jżuru r-Rabat – li jinsab armat għal din il-Festa tant għażiża għal ħafna Rabtin.

Din il-festa xitwija għandha storja antika ferm. U pajjiżna jirrikonoxxiha bħala ċelebrazzjoni kulturali fejn Malta u Għawdex jieqfu sabiex igawduha bi sħiħ f’festa pubblika.

F’quddiesa kantata u ċċelebrata, ġie mfakkar il- mastrudaxxa li kien jaħdem fil-belt ċkejkna ta’ Nazzaret – deskritt bħala raġel ġust li jifhem, imexxi u jgħix il-kelma tal-Mulej….raġel li kien mħeġġeġ ma jibżax.

Fl-omelija il-konċelebrant spjega kif San Ġużepp wera’ l-fraġilità tiegħu bħala uman – bid-dubji, bħal kull wieħed u waħda minnha. Madanakollu, minkejja d-dubji, dejjem ħalla f’idejn Alla sabiex jiggwidah u jwettaq il-ministeru uniku tiegħu – dak li jrabbi lill-Ġesù Kristu.

Preżenti għal pontifikal solenni kien hemm fost l-oħrajn il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, l-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, l-Prim Imħallef Mark Chetcuti u Membri Parlamentari fost l-oħrajn.

Intant Net News tkellem ma’ Anthony Casha, r-rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp Rabat tal-Imdina – fejn spjega fost l-oħrajn s-sinifkat ta’ din il-fratellanza, kif ukoll l-isfond storiku u l-oriġini tagħha.

Fratellanza li rat il-bidu tagħha lura fi żmien il-medjuwevu.

Apparti min hekk Anthony Casha qasam magħna wkoll l-emozjonijiet li l-Ġużeppini Rabtin iħossu f’din il-ġurnata speċjali għalihom – U kif din il-fratellanza ġġib ġieħ lil qaddis Patrun tagħha bil-funzjonijiet rispettivi.

Intant bosta Maltin u Għawdxin ħadu wkoll l-opportunità li jqagħttu ġurnata mal-familja f’din il-Festa Pubblika, mhux biss fir-Rabat – Madankollu il-qofol tal-Festa jintlaħaq bil-purċissjoni bil-Vara Artistika ta’ San Ġużepp li ddur it-toroq uniċi tar-Rabat.

Ritratti: Martin Agius