Lokali Qorti

Jammetti li seraq minn ħanut fil-Ħamrun

Abdulhamid Saied, Libjan ta’ 46 sena ammetta L-akkużi kollha miġjuba kontrih, wara li seraq minn ħanut fil-Ħamrun. Huwa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Zerafa spjegat li l-każ seħħ għall-ħabta tal-1.20 ta’ filgħodu fit-18 ta’ Marzu li għadda, meta l-Pulizija kienet fuq ronda fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. Kien f’dak il-ħin li semgħu allarm idoqq minn ħanut u raw lill-imputat jiġri minn fuq mill-post.

Il-Pulizija waqqfuh minnfih u sabu li kien qed iżomm żewġ kaxxi f’idu, li aktar tard ġie kkonfermat li kienu nsterqu mill-istess ħanut. Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Ħamrun, fejn ġie infurmat bid-drittijiet tiegħu. Il-Maġistrat tal-Għassa wkoll piet infurmata bl-arrest.

Matul l-istqarrija tiegħu, l-akkużat ammetta li kien ħa ż-żewġ oġġetti, li l-valur tagħhom kien ta’ €56, bil-prosekuzzjoni qalet ukoll li waqt l-interrogazzjoni huwa ma ta l-ebda indirizz fiss f’Malta.

Fil-Qorti, l-imputat qal li twieled fil-Libja, ma għandux residenza fissa f’Malta, u jaħdem fil-qasam tal-membrane tal-bjut.

Id-difiża sostniet li kien każ ta’ serq sempliċi, reat li jġorr piena ta’ bejn xahar u sitt xhur ħabs, u rrimarkat li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.

Wara li sema’ l-każ, il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici kkundanna lil Abdulhamid Saied għal xahrejn ħabs.