Lokali Unjoni Ewropea

Alex Borg jappella għal azzjoni Ewropea konkreta fuq theddid fil-Mediterran u jisħaq fuq in-newtralità

Il-Kap tal-PN jipparteċipa fis-Summit tal-PPE fi Brussell, u jattendi wkoll iċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Popolari Ewropew


Waqt is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew li sar illum fi Brussell, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sostna b’mod ċar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni konkreta u immedjata quddiem theddid li jolqot direttament il-Mediterran.

Alex Borg saħaq fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea tieħu passi aktar b’saħħithom fil-każ tat-tanker Russu Arctic Metagaz li qed joħloq riskji ambjentali u ta’ sigurtà fil-Mediterran. Huwa saħaq li pajjiż żgħir bħal Malta ma jistax jibqa’ jħares lejn sitwazzjonijiet bħal dawn b’mod passiv. Insista li hemm bżonn koordinazzjoni Ewropea aktar effettiva biex jiġu protetti l-ibħra tagħna, is-sigurtà tal-provvisti u l-ambjent.

Fil-kummenti tiegħu fi tmiem is-Summit li ddiskuta l-aħħar żviluppi b’rabta mas-sitwazzjoni internazzjonali b’mod partikolari dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani u l-Iran, Alex Borg qal li l-Mediterran jinsab fil-qalba tal-interessi strateġiċi ta’ Malta u tal-Ewropa, u għalhekk kull riskju għandu jiġi indirizzat b’serjetà u b’azzjoni konġunta.

Matul is-summit, il-mexxejja Ewropej indirizzaw ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ is-solidarjetà Ewropea fil-qasam tad-difiża. Id-dikjarazzjoni finali enfasizzat li biex tinbena deterrenza kredibbli, is-solidarjetà trid testendi wkoll għad-difiża, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tan-newtralità militari ta’ ċerti Stati Membri.

Il-Kap tal-PN temm jgħid li Malta tista’ tkun vuċi kredibbli fuq livell Ewropew billi tippromwovi bilanċ bejn is-sigurtà kollettiva u r-rispett lejn il-prinċipji fundamentali tagħha.

Għall-ewwel darba, għal dan is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, li ddiskuta wkoll l-Ukrajna u t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-Ewropa, kienu mistiedna wkoll il-kapijiet tal-partiti tal-PPE li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea – pass li jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni politika fuq livell internazzjonali.

Is-Summit tal-PPE sar bħas-soltu qabel ma jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew f’Summit li għandu fuq l-aġenda l-eskalazzjoni militari fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni fl-Iran, kif ukoll il-konsegwenza ta’ dan kollu fuq l-UE f’termini ta’ prezzijiet u sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fuq l-aġenda tas-Summit tal-UE hemm ukoll il-kompetittività tal-Ewropa, il-budget li jmiss tal-UE u l-migrazzjoni.

Waqt is-Summit Alex Borg iltaqa’ fost l-oħrajn mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz li kollha jiffurmaw parti mill-PPE flimkien ma’ mexxejja oħra li kienu preżenti bħall-Viċi PM Taljan Antonio Tajani u l-Prim Ministri u Kapijiet tal-Oppożizzjoni ta’ diversi Stati Membri oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mal-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz

Ilbieraħ, lejliet is-Summit tal-PPE li tmexxa mill-President tal-PPE Manfred Weber, il-Kap tal-PN Alex Borg attenda wkoll għaċ-ċelebrazzjoni li saret biex tfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Popolari Ewropew. Dan l-avveniment ġabar flimkien Prim Ministri, mexxejja politiċi u rappreżentanti minn madwar l-Ewropa biex jiċċelebraw ħamsin sena ta’ koperazzjoni politika fi ħdan l-akbar familja politika fl-Ewropa, li l-PN huwa kburi li jifforma parti minnha.

Qabel ħalla Brussell lura lejn Malta, il-Kap tal-PN kellu wkoll żjara interessanti fil-kwartieri tal-Google fi Brussell.

Tul dawn il-jumejn ta’ laqgħat, il-Kap tal-PN Alex Borg kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u mis-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea.