Lokali

Jiżdiedu r-reati ta’ natura vjolenti f’Malta

Ejja nifhmu liem reati qed jiżdiedu, ejja naraw x’bidla hemm fil-mentalità tal-kriminal.

Sostna dan ix-Shadow Minister Darren Carabott waqt dibattitu mal-Ministru Byron Camilleri fuq ix-Xandir tal-Istat it-Tnejn filgħaxija fejn ġiet diskussa l-kriminalità f’pajjiżna.

Fl-aħħar rapport b’rabta mal-kriminalità f’pajjiżna ħareġ li r-rata ta’ kriminalità naqset, madanakollu ix-Shadow Minister Darren Carabott insista li fattwalment ir-rapport innifsu qiegħed jindika li r-reati ta’ natura vjolenti, sfortunatament qed jiżdiedu… bil-Ministru jmeri l-iswed fuq l-abjad.

Dan filwaqt li Darren Carabott insista sabiex l-politiċi u dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-interess tal-pajjiż ma jiqfux sempliċiment mal-headlines iżda jiflu sew x’qiegħed jgħid dan ir-rapport. Fost oħrajn li fl-aħħar għaxar snin ir-reati li seħħew fil-magħluq, ċioè mhux fit-triq, żdiedu b’aktar minn nofs għal rata ta’ 34%, liema ċifra turi bidla fl-atteġġjament tal-kriminal.

Carabott lissen kif l-offiżi ta’ natura sesswali żdiedu, hekk ukoll serq li fih tintuża arma waqt li t-traffikar ta’ droga żdied għal aktar minn 110%.

Ix-Shadow Minister sellem u faħħar il-ħidma tal-Pulizija li jaħdmu lejl u nhar sabiex jissalvagwardjaw is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin filwaqt li preċiża jsemmi wkoll il-ħidma ta’ diversi għaqdiet li jgħinu lil numru kbir ta’ persuni li jaqgħu għal vizzji, fosthom id-droga.

Darren Carabott semma kif fost oħrajn il-Caritas, jgħidulek kif l-użu ta’ droga żdied u li filwaqt li l-qbid ta’ traffikar żdied ukoll…hekk ukoll, sfortunatament il-konsum. Għalhekk huwa insista li minkejja dan, il-problema ta’ droga xorta waħda qed tiżdied u mhux tonqos.

Ix-Shadow Minister Darren Carabott insista sabiex ma niqfux biss man-numri, iżda ħeġġeġ sabiex il-politiċi, flimkien mal-esperti, jidħlu fid-dettall ta’ x’inhuma r-realtaijiet hemm barra…lil’hinn mill-headlines u l-billboards.