Lokali

L-400 edizzjoni ta’ Sagħtar: Magazine li kompla jikber ma’ kull ġenerazzjoni ta’ tfal

Ritratt: Fondazzjoni Sagħtar

Il-Magazine ikoniku tat-tfal Sagħtar qed tiċċelebra l-400 edizzjoni tagħha, pass importanti li jfakkar snin twal ta’ edukazzjoni u divertiment fl-iskejjel Maltin. Dan il-magazine huwa sinonimu ma’ memorji sbieħ bħal-komik Tellerita ta’ Trevor Zahra.

L-istorja tas-Sagħtar bdiet 55 sena ilu, meta fl-1971 permezz ta’ grupp ta’ awturi u attivisti mill-Moviment Qawmien Lettararju, fosthom mill-mibki Professur Olivier Friggieri, li kellhom l-għan li jippromwovu l-letteratura, il-qari u l-kitba bil-Malti fost l-istudenti tas-sekondarja.

Fl-1976, l-MUT ħadet ir-responsabbiltà tal-pubblikazzjoni, u baqgħet toħroġha b’mod regolari għal kważi erbgħin sena, sakemm fl-2015 ittieħdet id-deċiżjoni li l-pubblikazzjoni tieqaf temporarnjament biex jiġi evalwat il-futur tagħha.

Fl-2020, taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Sagħtar, il-magazine reġgħet bdiet tiġi pubblikata.

Il-Magazine illum il-ġurnata żżomm bilanċ bejn it-tradizzjoni u l-modernità, fejn filwaqt li nqatgħu sezzjonijiet bħall-kolonna tal-pariri ta’ Dun Charles Cordina u l-kantuniera tal-ħjata u l-make-up, imma baqgħu jinżammu l-posters popolari tal-kantanti u l-atleti.

Wieħed jista’ jfittex dan il-magazine online fuq is-sit sagħtar.org.mt, li joffri arkivji storiċi sħaħ mill-ewwel edizzjoni u materjal interattiv li jikkumplimenta l-qari.

Il-Fondazzjoni Sagħtar qed tkompli tespandi dan il-proġett, permezz ta’ inizjattivi bħall-workbook Sagħtarin għaż-żgħar nett, programmi fuq ir-radju, kif ukoll b’edizzjonijiet speċjali għall-barranin li qed jitgħallmu l-Malti, b’dan il-magazine jkompli sservi bħala pillastru edukattiv.