Internazzjonali

L-attur Kevin Spacey jilħaq ftehim barra l-Qorti

L-attur Amerikan Kevin Spacey laħaq ftehim barra l-Qorti ma’ tliet irġiel li kienu fetħu kawża ċivili kontrih, wara li kienu akkużawh b’attakki sesswali.

Dawn il-kawżi kienu mistennija li jinstemgħu fil-High Court aktar tard din is-sena, għalkemm dawn l-proċeduri issa waqfu wara li ntlaħaq dan il-ftehim.

S’issa ma ngħataw ebda dettalji dwar il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim.

It-tliet irġiel allegaw li Spacey aggrediehom bejn is-snin 2000 u 2013, b’dan tal-aħħar jiċħad kull akkuża.

Madankollu, apparti dawn il-kawżi ċivili, Spacey kien diġà meħlus minn disa’ akkużi kriminali relatati ma’ reati sesswali waqt proċess kriminali li kien sar fl-2023.

B’rabta ma’ dan il-każ, tnejn mill-irġiel li kienu akkużawh f’dak il-proċess kienu wkoll fetħu kawża ċivili kontrih fil-High Court.

Fost il-persuni li akkużaw lil Spacey hemm Ruari Cannon, li allega li l-attur messu b’mod mhux xieraq waqt attività soċjali fl-2013 wara produzzjoni fl-Old Vic, fejn Spacey kien id-direttur artistiku.