“Devis Mangia prova jmiss plejer ta’ Ascoli f’lukanda. Hemm bżonn li jitwaqqaf.”
Allegazzjonijiet serji magħmula mill-eks plejer ta’ Ascoli, Sampdoria u Cagliari Jakub Jankto fuq il-midja soċjali hekk kif kompla jallega li din l-imġieba ssokta biha kemm f’Malta kif ukoll fir-Rumanija.
L-eks midfielder miċ-Ċekja allega li meta kien misluf ma’ Ascoli fl-istaġun 2015/16, fis-Serie B, Devis Mangia wettaq aġir xejn denju.
Jankto sostna li ġurnata qabel partita kontra Novara ttanta jmiss plejer ta’ karaġjon skura fejn stiednu fil-kamra li kien qed jirrisjedi fiha fil-lukanda. Jankto insista bl-allegazzjonijiet fejn sostna li din l-imġieba kienet prassi ta’ Mangia fejn kien jagħmilha qabel u wara t-training.
L-eks plejer tas-Serie A allega li kollox eskala l-jum ta’ qabel il-partita kontra Novara meta Mangia prova jmiss lil plejer, li ismu żammu mistur, b’Jankto saħansitra jallega li l-kowċ Taljan prova jkollu x’jaqsam ma’ dan il-plejer.
Jankto preċiża jgħid li ma jaħsibx li seħħ xi ħaġa, madanakollu sostna li jħoss li importanti li jingħadu ċertu affarijiet.
Il-plejer miċ-Ċekja spjega li wara li waslu lura f’Ascoli Mangia kien irrappurtat minn xi plejer lid-Direttur Sportiv tal-klabb u konsegwentament il-kowċ Taljan spiċċa tkeċċa.
Dak iż-żmien ir-raġuni li kienet ingħatat għat-tkeċċija ta’ Mangia kienet sempliċiment li kien inqala inċident f’lukanda f’Novara u konsegwenza ta’ hekk kellu Devis Mangia kellu jitkeċċa – bil-klabb saħansitra jagħti x’jifhem li l-kowċ tkeċċa minħabba raġunijiet ta’ saħħa madanakollu skont l-allegazzjonijiet ta’ Jankto…l-affarijiet huma mod ieħor.
Jakub Jankto insista li skont hu din hija storja vera u spjega li l-istess allegazzjonijiet feġġew kemm fir-Rumanija kif ukoll f’Malta. Hawn l-eks midfielder appella sabiex Mangia jkun imwaqqaf hekk kif bħalissa l-eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti huwa kowċ ta’ Team Altamura fis-Serie C.
//= $special ?>

