Lokali

“L-innoċenti” – Dramm għall-Ġimgħa Mqaddsa fid-Dar Ċentrali

Għar-raba’ sena konsekuttiva, This is Us Productions se tkun qed itella’ dramm oriġinali fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa – li jġib l-isem ta’ ‘L-innoċenti’ b’kitba ta’ Roderick Castillo.

L-istorja b’rabta mad-dramm ta’ din is-sena tibda mill-massakru li kien ordna Erodi fuq it-trabi u t-tfal f’Betlehem.

Imbgħad, għaddew 29 sena – u fl-istorja jidħol ir-Re Erodi Antipas li kien it-tifel ta’ Erodi li ordna l-massakru.

Antipas kien qalibha lil huh Filippu mal-mara – bil-konsegwenza li Filippu spiċċa telaq mid-dar u mar jgħix f’Betlehem.

L-istorja mbagħad tkompli tevolvi permezz tal-karattru ta’ Salome – it-tifla ta’ Filippu li waqt il-massakru wkoll sfat vittma; bid-differenza li din ma nqatlitx iżda nsterqet biex tittieħed lura fil-palazz.

Tkellimna ma’ Roderick Castillo – l-awtur ta’ dan id-dramm fejn fi ftit kliem spjegalna l-istorja u l-ħsieb kollu b’rabta ma’ dan id-dramm u kemm ħadlu żmien biex kitbu.

It-Tlieta filgħaxija, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello żar il-provi ta’ dan id-dramm flimkien mas-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv, Stefan Caruana, fejn iltaqa’ mal-atturi li tkellmu miegħu dwar ix-xogħol li jagħmlu wara l-kwinti sabiex itellgħu spettaklu mill-isbaħ għall-udjenza.

Dan id-dramm se jkun qed isir il-Ġimgħa 20, is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 ta’ Marzu fis-sala tad-Dar Ċentrali. Fl-ewwel jumejn ir-rappreżentazzjoni se titwassal fis-7:30 ta’ filgħaxija u l-Ħadd tkun qed issir fl-4 pm.