Opinjoni

Opinjoni: Is-‘suċċess’ tal-politika Donroe

Ma’ kull jum li jgħaddi qiegħed joħroġ ċar li l-gwerra ta’ Trump hi waħda li mhux biss hi pjanata ħażin imma li d-dubji dwar il-leġittimità tagħha huma mill-aktar gravi u serji

Angelo Micallef

Fis-7 ta’ Marzu l-President Amerikan Donald Trump, b’ton pompuż bħal dejjem, stqarr li, “We don’t need people that join Wars after we’ve already won!”.
Kienet stqarrija li għamel fil-konfront tar-Renju Unit, pajjiż li bħal donnu Trump għamilha l-passatemp tiegħu li jinfexx f’attakki isteriċi fil-konfront tal-Prim Ministru Starmer.
Nhar il-Ħadd li għadda mbagħad Trump iddikjara, “It’d be nice to have other countries police it with us”. Huwa kompla “We’re always there for NATO. We’re helping them with Ukraine. Doesn’t affect us, but we’ve helped them. It’d be interesting to see what country wouldn’t help us with a very small endeavor, which is just keeping the strait open”.
Stqarrija li huwa għamel fl-isfont tal-attakki ma jieqfu xejn mill-Iran fuq it-tbaħħir fl-strett ta’ Hormuz; attakki li qegħdin jikkawżaw problem globali fejn tidħol il-merkanzija u fejn jidħol iż-żejt. Stqarrija li tikkuntrasta ferm mat-ton ġubilanti u rebbieħ ta’ Trump fis-7 ta’ Marzu.

L-ebda pjan ċar minn Trump
Jekk mhu qed joħroġ xejn ċar mill-White House qed joħroġ żgur il-fatt li Trump m’għandux pjan ċar u mhuwiex jifhem kunċett bażiku ħafna u ċioe’ li ma tistax tagħmel l-isbaħ parti ta’ sena tinsulta u tweġġa’ lill-alleati tiegħek imbagħad tistenna li kulħadd ser jaqbeż jiġri għad-difiża tiegħek sempliċiment għaliex daħħalt lil pajjiżek fi gwerra mingħajr ħsieb, pjan u mingħajr ebda sens ta’ għaqal.
Għal sena sħiħa Trump għamilha l-missjoni tiegħu li jagħmel il-ħajja tal-Ewropa diffiċli; militarment, politikament u ekonomikament. Issa qed jeħodha ħażin għaliex l-Ewropa hija ħeżitanti biex tidħol fi gwerra li dwarha hemm dubji serjissimi dwar leġittimità legali u dubji ugwalment serjissimi dwar sar pjannar fit-tul għaliha.
Ir-Repubblikani akkaniti ta’ Trump iħobbu jiftaħru li Trump welled il-politika Donroe; verżjoni aktar estrema tal-politika magħrufa bħala l-Monroe Doctrine u li tara l-post tal-Istati Uniti fid-dinja bħala wieħed ta’ iżolament fejn l-Istati Uniti tingħalaq fiha nfisha u tiffoka biss fuq iż-żona ġeografika li tmiss magħha direttament u xejn aktar.
Ftaħru ħafna bil-politika Donroe, imma bħal donnu meta ġejna għas-si u n-no ma tantx għoġbithom l-idea li jkunu waħedhom jaqdfu għal rashom!
Ma’ kull jum li jgħaddi qiegħed joħroġ ugwalment ċar li l-gwerra ta’ Trump hija waħda li mhux biss hija pjanata ħażin imma li d-dubji dwar il-leġittimità tagħha huma mill-aktar gravi u serji. Dan bl-ebda mod ma jfisser li xi ħadd huwa kuntent bir-reġim f’Tehran jew li xi ħadd qiegħed jappoġġja r-reġim tal-Ayatollah.
Dan bl-ebda mod ma jfisser li mhuwiex stat ta’ fatt li l-Iran u l-poplu Iranjan ikunu ferm aħjar li kieku jeħilsu mir-reġim preżenti. Dan bl-ebda mod ma jfisser li wieħed ma jieħux gost jekk ir-reġim f’Tehran jikkolassa u l-poplu Iranjan jikseb il-ħelsien u l-libertà. Madankollu dawn il-fatti ma jagħtux lil Trump xi carte blanche biex jagħmel li jfettilu dak il-ħin.

Editorjal eċċellenti
Il-ġurnal Las Vegas Sun kellu editorjal eċċellenti fil-11 ta’ Marzu li fih dan il-ġurnal stqarr, “Trump occupies a category almost entirely his own when it comes to dismissing the value of alliances and misunderstanding the reality that even the most powerful nation benefits from strong relationships with its democratic partners.
The immediate priority, of course, is to bring hostilities in Iran to a responsible conclusion as quickly as circumstances allow. But the work cannot stop there. Washington must also recommit to repairing alliances across Europe and beyond, and to supporting democratic partners such as Ukraine as it defends itself against Russian aggression.
No country, not even the United States, thrives in isolation. When we respect our allies, we gain strategic depth, economic resilience and moral authority. When we alienate them, we weaken ourselves”.
Tassew suċċess għall-politika Donroe! Tassew suċċess minn Donald Trump u l-estremisti Repubblikani ta’ madwaru bħal Hegseth.
Id-dnub li r-riżultat ta’ dan kollu hija tbatija ta’ popli innoċenti, imwiet bla bżonn, taqlib ekonomiku li qed tbati minnu d-dinja kollha u inċertezza li tifni kull prospett ta’ tkabbir. U min qed jogħrok idejh fil-konfront ta’ dan kollu? Ħadd ħlief Vladimir Putin fil-Kremlin…il-bniedem li bħal donnu dejjem joħroġ bħala l-akbar benefiċċjarju ta’ kull deċiżjoni maġġuri ta’ Trump!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 19 ta’ Marzu, 2026.