Mark A. Sammut Sassi
Il-Gvern ta’ Robert Abela ħareġ b’dik li għalija ma hi xejn għajr gimmick ta’ lejlet l-elezzjoni: “Viżjoni Malta 2050”.
F’dil-“Viżjoni”, Robert Abela u l-Gvern tiegħu qed jippruvaw ifasslu t-triq li tulha trid timxi Malta fil-25 sena li ġejjin. Naħseb li hu ċar għal kull min għandu għajnejh f’wiċċu li din hi biss gimmick.
Il-preċedent
Ejja mmorru lura 25 sena. Fil-bidu ta’ das-seklu, il-battalja dominanti fil-politika Maltija kienet dwar tisħib Malta fl-Unjoni Ewropea. Dak iż-żmien, il-Partit Laburista kien kontra dat-tisħib għal bosta raġunijiet. Fosthom, li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea se jidħol l-abort.
Ħafna li huma ta’ ċerta età jiftakruh dak it-tabellun kbir li l-Każin Laburista tal-Belt kien qiegħed fil-gallarija tiegħu. Fuqu kien hemm miktub b’ittra kbar li t-tisbiħ ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien se jwassal biex jiddaħħal l-abort f’Malta.
Fil-fatt, Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea u l-abort ma daħalx.
Iżda x’ġara? Il-Partit Laburista tal-lum qiegħed jinnamra mal-abort, tant li Robert Abela għamilha ċara li se jaqbeż għal nisa li jwettqu l-abort u t-tobba jinsabu fi stat ta’ konfużjoni għax ma jafux għandhomx jirrappurtaw l-aborti jew le.
Imma l-punt tiegħi hu li għaddew 25 sena u l-Partit Laburista dawwar ir-rota kompletament. Minn partit li kien ibeżża’ bil-babaw tal-abort 25 sena ilu, illum hu l-partit li qed jinnamra kemm jiflaħ mal-abort!
Daqshekk jiswew il-pjanijiet għal 25 sena! Jekk il-Partit Laburista nnifsu nbidel u minn partit kontra l-abort sar partit li jara kif se jiffavorixxih, kif jista’ wieħed serjament jagħmel pjan għal 25 sena?
Kif jista’ l-Gvern tal-lum jaħseb li jista’ jorbot idejn il-Gvernijiet tal-25 sena li ġejjin?
Kif jista’ l-Gvern tal-lum jobsor minn issa x’se jiġri fil-25 sena li ġejjin?
Bilfors ikolli, allura, nikkonkludi li din il-“Viżjoni Malta 2050” ma hi xejn għajr gimmick ta’ lejlet l-elezzjoni.
Ħa nagħtu daqqa t’għajn lejn iż-żewġ xeni: dik internazzjonali, dik nazzjonali.
Ix-xena internazzjonali
Bħalissa fid-dinja għaddejja rivoluzzjoni kbira. L-Istati Uniti tal-Amerka qed iħaddnu mod ġdid kif iħarsu lejn ir-rwol dinji tagħhom. Qed jinvokaw l-hekk-imsejħa “Dottrina Monroe”, jiġifieri li jkunu potenza fl-Amerka l-ewwel u qabel kollox. L-interess tagħhom fl-Imperu Amerikan naqas ħafna, għax ħafna qed jaraw li jiġbed il-flus fi proġetti imperjali madwar id-dinja a skapitu tal-ħajja tal-Amerikani fl-Istati Uniti nfushom.
Barra minn hekk, qed jirrealizzaw li se jitilfu l-imħatra li għamlu magħhom infushom – li bdiet fi żmien Nixon, fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor: li jġibu liċ-Ċina fis-sistema internazzjonali tal-kummerċ (iddominata mill-Istati Uniti). L-Amerikani qed jisogħobbihom li ddelokalizzaw il-manifattura industrijali tagħhom fiċ-Ċina u li ppermettew lill-istudenti Ċiniżi jistudjaw fl-universitajiet Amerikani u b’hekk jitgħallmu mir-riċerka Amerikana. Minħabba f’dar-raġunijiet u oħrajn, l-Amerka qed tirripożizzjona ruħha fid-dinja u ma nafux dan fejn se jwassal.
Sadattant, wara t-tneħħija ta’ Gaddafi mit-tmexxija tal-Libja, dak il-pajjiż ġar tagħna safa kamp tal-kaċċa bejn ir-Russja u t-Turkija, żewġ pajjiżi li qed jespandu fl-Afrika, fejn ukoll qed tikber ix-xibka ta’ influwenza taċ-Ċina. Ma nafux kif se tmur il-gwerra fl-Ukraina, imma jekk tirbaħ ir-Russja, ir-Russja se jkollha aċċess dirett għall-Mediterran.
Aktar kumplessità: il-Baħar Mediterran jaf jitlef l-importanza tiegħu bħala baħar tar-rotot merkantili. Jekk is-silġ fl-Artiku jkompli jdub, il-bastimenti jibdew jbaħħru mill-Artiku u l-Mediterran jevitawh. (Dan jispjega l-interess Amerikan fi Greenland.) Jekk il-Mediterran jitlef ir-rwol tiegħu ta’ baħar tar-rotot merkantili u fih tikber il-preżenza Russa, ikollna problemi ġodda għax aħna nimportaw ħafna u niddependu ħafna mill-esportazzjoni – it-tnejn isiru bil-baħar. Ikollna problemi li rridu nsolvuhom flimkien mat-Taljani u mat-Torok, li huma żewġ pajjiżi oħrajn li jiddependu kompletament mill-Mediterran għall-esportazzjoni tagħhom. It-Torok ġa jidher li se jkollhom bażi solida ħafna fil-Libja. L-Italja tgħinna imma tkun trid ħafna lura.
Kif dan kollu se jevolvi, ma nafuhx u hu impossibbli nkunu nafuh. Kif tista’ toħroġ bi pjan ta’ 25 sena f’dil-instabbiltà u f’dil-inċertezza kollha?
Bilfors gimmick ta’ lejlet l-elezzjoni…
Ix-xena nazzjonali
F’pajjiżna għaddejja rivoluzzjoni wkoll, ta’ natura etnika u kulturali. L-influss enormi ta’ barranin li ġew jittantaw xortihom hawn se jħalli impatt qawwi. U ma nafux x’se jkun, għax jidher li ebda kapurjun ma ħa l-briga li jagħmel l-unika ħaġa sensata, jiġifieri li jsiru studji dwar dil-bidla radikali. Li – infakkar – ħadd ma talab il-kunsens tagħna għaliha, la f’elezzjoni u lanqas f’referendum, imma għabbewna biha bħalkieku m’aħniex demokrazija.
L-influss ta’ għadd kbir ta’ barranin – kemm jekk jibqgħux joqogħdu hawn kemm jekk jiġux biss għal ftit snin – qed jibdel il-kultura Maltija mill-qiegħ. U aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar radikali se tkun dil-bidla. Daħal Ingliż imkisser fil-pajjiż li qed jikkontamina mhux biss lill-Malti imma saħansitra lill-Ingliż innifsu.
Viżjoni ta’ xejn
It-theddid kulturali ta’ dal-influss għall-ilsien Malti (u għas-sopravivenza tiegħu) u għall-kultura u l-mod tal-ħajja tagħna ma hemm xejn dwaru fl-hemm imsejħa Viżjoni Malta 2050.
Hemm biss kliem kampat fl-arja… li bih qed jiġi prospettat li l-ilsien Malti se jissaħħaħ, u ħafna minn dan li mhu xejn għajr ħolm miftum mir-realtà.
Il-Viżjoni Malta 2050 ġiet tiswa madwar 4.5 miljun ewro. Hawn min jgħid li aktar. Kollox ma’ kollox, kienet ħela ta’ flus il-poplu.
Se tiswa biss għall-elezzjoni li ġejja, mhux għall-25 sena li ġejjin ta’ Malta.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 19ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

