Internazzjonali

Proposti taxxi ġodda fuq vapuri li jgħaddu minn Hormuz

Deputati Parlamentari fl-Iran ressqu proposta biex jiġu imposti taxxi ġodda fuq bastimenti li jgħaddu mir-rotta ta’ Hormuz.

Skont rapporti, Tehran qed tgħid li jekk pajjiżi jridu jużaw din ir-rotta b’mod sigur, għadhom iħallsu lura għas-sigurtà li tipprovdi r-Repubblika Iżlamika.

Din il-proposta ġiet irrappurtata mill-midja Iranjana l-Ħamis, fi sfond ta’ tensjoni kbira fir-reġjun, hekk kif dan il-passaġġ marittimu fl-Istrett ta’ Hormuz naqas drastikament minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani.

Uffiċjali Iranjani qalu wkoll li l-moviment tal-bastiment mhux se jerġa’ lura għan-normal sakemm tintemm din il-gwerra.

Fl-aħħar jiem, l-Iran ħalla jgħaddu xi vapuri minn pajjiżi meqjusa bħala ħbieb, filwaqt li wissa li jista’ jimblokka vapuri minn stati li jqis li ngħaqdu kontrih f’din l-aggressjoni.