Futbol Sport

Rebħa drammatika għal Bologna tpoġġihom mal-aħħar tmienja tal-UEFA Europa League

Bologna jkomplu jimpressjonaw meta avvanzaw għall-kwarti tal-finali tal-UEFA Europa League.
Bologna jkomplu jimpressjonaw meta avvanzaw għall-kwarti tal-finali tal-UEFA Europa League.

F’konfront kollu Taljan, Bologna eliminaw lil Roma, rebbieħa tal-UEFA Conference League fl-istaġun 2021/22, 4-3 fil-ħin barrani. Din kienet logħba mimlija emozzjonijiet, bil-partita sad-90 minuta tintemm fid-draw ta’ 3-3.

Fl-ewwel leg, il-konfront bejn it-tnejn kien intemm fi draw ta’ 1-1, u l-istess reġa’ ġara din id-darba, iżda kien draw attraenti, b’aktar gowls u eċċitament. Wara 22 minuta logħob, Bologna fetħu l-iskor permezz ta’ Jonathan Rowe.

Għaxar minuti wara, Roma skorjaw il-gowl tad-draw b’konklużjoni tad-difensur Evan Ndicka. Qabel il-mistrieħ, fil-ħin miżjud mir-referee fit-tmiem tal-ewwel taqsima, Bologna rebħu penalty u mill-11-il metru, il-midfielder Taljan ta’ 32 sena, Federico Bernardeschi ma żbalajx biex reġa’ poġġa’ lit-tim tiegħu minn fuq.

13-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Bologna kabbru l-vantaġġ meta kien gowl ta’ Santiago Castro li għamel l-iskor parzjali 3-1 favur l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Vincenzo Italiano.

Ir-reazzjoni ta’ Roma kienet tajba u skorjaw darbtejn biex ġabu l-iskor indaqs. Għaxar minuti wara t-tielet gowl ta’ Bologna, Roma skorjaw it-3-2 permezz ta’ Donyell Malen.

Għaxar minuti mid-90 minuta, l-internazzjonali Taljan, Lorenzo Pellegrini tefa’ lill-partitarji ta’ Roma f’atmosfera ta’ ferħ meta skorja l-gowl tad-draw, f’dik li kienet rimonata mill-aqwa f’temp ta’ 12-il minuta.

Il-logħba kellha tmur għall-ħin barrani u kellu jkun il-gowl tal-attakkant Taljan, Nicolò Cambiaghi fil-111-il minuta għal Bologna li ddeċieda min kien se javvanza u min kien se jkun qed jiġi eliminat bejn dawn iż-żewġ timijiet Taljani, fl-istadju tal-aħħar 16 tal-UEFA Europa League, meta ta rebħa drammatika lil Bologna li tpoġġihom fil-kwarti tal-finali.

Rebħa drammatika, tpoġġi lil Nottingham Forest għall-ewwel darba f’30 sena fil-kwarti tal-finali ta’ trofew Ewropew.

Wara t-telfa ta’ 1-0 f’dahrom stess, Nottingham Forest kellhom jitħabtu biex eliminaw lil FK Midtjylland 3-0, wara l-għoti tal-penalties. Għat-tim Ingliż, din kienet rebħa sinifikanti għaliex fissret li wara 30 sena, Nottingham Forest reġgħu waslu sal-kwarti tal-finali ta’ kompetizzjoni Ewropea.

Freiburg tal-Ġermanja, avvanzaw mingħajr problemi meta fit-tieni leg kontra Genk, l-iskwadra taħt il-gwida teknika ta’ Julian Schuster, huma rebħu 5-1 u b’hekk ikkanċellaw it-telfa ta’ 1-0 li sofrew fil-Belġju.

Celta Vigo kisbu post ukoll fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Europa League, b’rebħa ta’ 2-0 kontra Lyon. Fl-ewwel, f’partita li ntlagħbet fi Spanja, il-logħba bejn it-tnejn intemmet 1-1, iżda tkeċċija b’ħamra diretta għad-difensur ta’ Lyon, Moussa Niakhaté għenet lil Celta Vigo biex iwittu t-triq għal rebħa b’żewġ gowls u kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss.

Aston Villa kien tim ieħor mill-Premier League Ingliż li ma ddiżapuntax u se jkun qed jilgħab mal-aħħar tmienja ta’ din it-tieni l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fuq livell ta’ klabbs tal-UEFA. Huma rebħu 2-0 kontra Lille, b’gowls ta’ John McGinn u Leon Bailey u għalhekk rebħu b’aggregate ta’ 3-0.

Kwalifikazzjoni mingħajr problemi għall-iskwadra mmexxija mill-kowċ Francesco Farioli ta’ Porto li għelbu lil Vfb Stuttgart b’aggregate ta’ 4-1 fuq żewġ partiti. F’dahrom, il-bieraħ il-Portugiżi rebħu 2-0.

B’wirja mill-aqwa, iżda fuq kollox imtejba mill-ewwel leg kontra Panathinakos, Real Betis ta’ Spanja dawru telfa ta’ 1-0 li ġarrbu fil-Greċja għal rebħa ta’ 4-0 f’Estadio de La Cartuja, biex anke huma għamluha mal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni.