Il-FIFA u l-International Football Association Board (IFAB) ħabbru diversi tibdil fir-regolamenti li se jidħlu fis-seħħ waqt il-Tazza tad-Dinja li issa tinsab inqas minn 90 jum ‘il bogħod għal bidu tagħha, bil-għan li jħaffu l-logħob u jtejbu l-konsistenza fid-deċiżjonijiet tar-referees.
Id-deċiżjonijiet ġew approvati waqt il-laqgħa annwali tal-IFAB f’Hensol, Wales. Dan l-akar turnament tal-futbol dinji se jsir fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku bejn l-11 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Lulju 2026.
Regoli ġodda fil-Tazza tad-Dinja kontra t-telf ta’ ħin
Ir-referees issa għandhom is-setgħa li jintroduċu countdown viżiv ta’ ħames sekondi jekk jemmnu li goal kick jew throw-in qed iddum biex jingħata apposta. Jekk il-ballun ma jidħolx fil-logħba fi tmiem il-countdown, il-pussess jinqaleb favur l-avversarji minn throw-in, u għal goal kick jingħata corner kontra t-tim li jkun qed jitlef il-ħin.
Din l-inizjattiva tixbah dik tal-Premier League Ingliż, fejn il-goalkeepers jistgħu jżommu l-ballun biss għal tmien sekondi. Jekk jaqbżu dan il-limitu ta’ ħin, jingħata corner kontra tagħhom. Din ir-regola diġà għenet biex tħaffef il-logħob fl-Ingilterra.
Limitu fuq is-sostituzzjonijiet
Waqt sostituzzjoni f’partita, il-plejers issa jridu joħorġu mill-grawnd fi żmien 10 sekondi minn meta tidher il-bord tar-raba’ uffiċjal li jku qed jindika l-bidla li jkun qed jagħmel il-kowċ. Jekk ma jsirx hekk, il-plejer li jkun se jidħol irid jistenna minuta sħiħa (bil-ħin għaddej) qabel jidħol, u f’ċirkostanza bħal din, il-plejer li jkun se jidħol, jista’ jagħmel dan biss waqt waqfa fil-logħob.
Protokolli ġodda f’każ ta’ meta plejer iweġġa’
Meta plejer jirċievi kura medika fuq il-grawnd, irid jistenna minuta sħiħa qabel jerġa’ jidħol fil-logħba. Din il-miżura hija intiża biex plejer li jkun qed jitlef il-ħin u jagħmilha taparsi weġġa’, issa jkollu jaħsibha darbtejn milli jagħmel reċta taparsi weġġa’ u għandu bżonn l-intervernt tat-tim mediku. Madankollu, jekk il-plejer ikun weġġa’ minħabba foul li jwassal għal karta safra jew ħamra, jista’ jibqa’ fil-grawnd mingħajr ma jistenna.
Żviluppi fil-VAR
Il-VAR se jkollu rwol akbar fil-kompetizzjoni. Issa jista’ jintervjeni jekk plejer jingħata t-tieni karta safra b’mod żbaljat, jew jekk ir-referee jħawwad l-identità tal-plejer jew tat-tim meta jagħti karta. Barra minn hekk, il-VAR jista’ jikkoreġi corner mogħti ħażin, basta d-deċiżjoni tinbidel mingħajr ma tfixkel it-tkomplija tal-logħba.
Dawn il-bidliet kollha huma maħsuba biex jagħmlu l-logħoba aktar ġusta, dinamika u mingħajr telf ta’ ħin bla bżonn.
//= $special ?>

