Internazzjonali

Trump jhedded li se jeqred l-akbar faċilità tal-gass fl-Iran

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump hedded li jeqred l-akbar faċilita tal-gass tal-Iran jekk Tehran twettaq aktar attakki fuq siti ta’ enerġija fir-reġjun. Hu għamel din it-twissija wara li s-sitwazzjoni fir-reġjun kompliet teskala – speċjalment bejn l-Iran u l-Qatar.

Il-kriżi intensifikat wara li l-Iran attakka l-faċilità tal-gass Ras Laffan fil-Qatar, b’reazzjoni għal attakk li kien wettaq Iżrael fuq il-faċilita tal-gass tal-Iran. Il-Qatar irrapporta ħsarat sinifikanti bl-attakk jiġi deskritt bħala wieħed mhux aċċettabbli.

B’reazzjoni għal attakk li wettaq Iżrael fuq il-faċilità tal-gass tal-Iran, il-President Amerikan Donald Trump ikkritika l-attakki ta’ Iżrael fuq l-Iran, u saħaq li l-Istat Uniti ma kienu jafu xejn dawn l-attakki.

L-istati fir-Reġjun tal-Golf, inkluż l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, ikkundannaw l-azzjonijiet militari tal-Iran u appellaw sabiex iwaqqfu dawn l-attakki immedjatament,

Min-naħa tagħhom, il-mexxejja tal-Iran wissew dwar “konsegwenzi li ma jistgħux jiġu kkontrollati”.

F’post fuq il-midja soċjali, Trump qal ukoll li kwalunkwe mira oħra fuq l-infrastruttura tal-gass tal-Qatar se twassal għal ritaljazzjoni mill-Istati Uniti.

Din l-eskalazzjoni ħolqot tensjoni kbira fis-swieq globali, hekk kif Ras Laffan huwa meqjus bħala l-akbar faċilità għall-provvista tal-gass LNG.