Lokali

Żewġ sewwieqa jittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu nvoluti f’inċident f’Ħal Luqa

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Żewġ sewwieqa kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa.

Dan l-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta tal-Ħamis filgħodu fi Triq Ħal Farruġ, Ħal Luqa.

Il-Pulizija marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn karozza tal-għamla Toyota Vitz misjuqa minn mara ta’ 32 sena residenti l-Kalkara u karozza oħra tat-tip Audi A4 misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena, residenti l-Fgura.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet is-sewwieqa l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura medika, fejn il-mara ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel sofra ġrieħi ħfief.

Għaldaqstant, l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.