Ir-rivista ferm popolari mal-Maltin ‘Sagħtar’ issa għalqet 55 sena fostna, hekk kif il-Ġimgħa filgħodu l-MUT iċċelebrat l-400 ħarġa ta’ din ir-rivista.
F’attivita li saret fil-librerija tal-Furjana, ic-Chairperson tal-Fondazzjoni Sagħtar Elaine Germani spjegat li matul is-snin is-Sagħtar ra trasformazzjoni fil-kontenut li qed joffri tant li ilum il-ġurnata anke qed iservi bħala għodda edukattiva.

Iżda fuq kollox l-għan ta’ din ir-rivista huwa propju li jinkoraġġixxi l-qari bil-Malti fost it-tfal. Infatti fl-aħħar snin beda jiġi ppubblikat ukoll Sagħtarin – rivista li tinkludi aktar stampi u li hija adattata għat-tfal iż-żgħar.
F’kummenti ma’ Net News Elaine Germani tkellmet fuq is-sinifikat tas-Sagħtar fil-kultura Maltija.
Minn naħa tiegħu, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li meta hu kien għadu l-iskola, ta’ kull xahar kien jistenna r-rivista Sagħtar filwaqt illi spjega li hija xi ħaġa ferm sabiħa li din ir-rivista qed tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Dan filwaqt li spjegalna wkoll li llum il-ġurnata s-Sagħtar qed toħroġ b’mod diġitali kif ukoll hemm il-programm tar-radju Sagħtar FM.
Il-qoxra tal-400 ħarġa ta’ din ir-rivista ġiet iddisinjata mit-tfal stess sabiex din ir-rivista verament tirrifletti dak li jixtiequ jaraw it-tfal.
L-istorja tas-Sagħtar bdiet 55 sena ilu, meta fl-1971 permezz ta’ grupp ta’ awturi u attivisti mill-Moviment Qawmien Lettararju, fosthom mill-mibki Professur Olivier Friggieri, kellhom l-għan li jippromwovu l-letteratura, il-qari u l-kitba bil-Malti fost l-istudenti tas-sekondarja.
Fl-1976, l-MUT ħadet ir-responsabbiltà tal-pubblikazzjoni, u baqgħet toħroġha b’mod regolari għal kważi erbgħin sena; sakemm fl-2015 ittieħdet id-deċiżjoni li l-pubblikazzjoni tieqaf temporarnjament biex jiġi evalwat il-futur tagħha.
Fl-2020, taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Sagħtar, il-magazine reġa’ beda jiġi ppubblikat.
//= $special ?>

