Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena meta kkumparat mal-ewwel xahrejn tas-sena li għaddiet, il-Gvern ta’ Robert Abela żied id-dejn ta’ pajjiżna b’aktar minn nofs biljun ewro. Dan hekk kif il-Gvern qed ikompli jżid in-nefqa xahar wara l-ieħor.
Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, id-dejn nazzjonali issa jammonta għal madwar €11.4 biljun.
Fil-fatt, l-istaħħriġ juri li sal-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena, in-nefqa kollha kienet €1.3biljun li hi €158 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
L-infiq rikorrenti fil-perjodu msemmi fil-Programmi u Inizjattivi li ra żieda ta’ €75.6 miljun, fis-salarji u pagi kien hemm żieda ta’ €22.2 miljun u żieda ta’ €18.1 miljun fl-ispiża tal-operat.
Ħareġ ukoll li l-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€51.3 miljun li tfisser żieda ta’ €3.9 miljun meta mqabbel mas-sena preċedenti.
Imbagħad l-infiq kapitali tal-Gvern kien ta’ €72.9 miljun li hu €34.3 miljun aktar meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
U minkejja li d-differenza bejn id-dħul u l-infiq irriżulta f’surplus ta’ €229.6 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern…. fuq sena, id-dejn ta’ pajjiżna xorta waħda żdied b’nofs biljun ewro.
Intant, il-kontributur ewlieni tad-dejn kien propju kaġun taż-żieda li ġiet irreġistrata fl-istokks tal-Gvern. Dan filwaqt li aktar dejn ġie rreġistrat fil-Kambjali tat-Teżor u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro f’isem it-teżor.
//= $special ?>

