Lokali Qorti

Ikkundannat tmien snin ħabs b’rabta ma’ attentat kontinwu ta’ stupru fuq terapista tal-massaġġi

Raġel ta’ 33 sena mill-Gambja ġie kkundannat tmien snin ħabs wara li nstab ħati ta’ attentat kontinwu ta’ stupru u sekwestru ta’ mara Ċiniża li kienet taħdem f’ħanut tal-massaġġi f’Birkirkara, filwaqt li nstab mhux ħati ta’ akkużi relatati ma’ ġrieħi gravi u pussess ta’ arma mingħajr liċenzja.

Il-Qorti semgħet kif il-każ imur lura għall-2024 u li kien marbut ma’ rapport li għamlet il-vittma.

Skont il-provi, il-mara qalet lill-Pulizija li kienet rat fuq l-aħbarijiet li kien ġie arrestat raġel b’konnessjoni ma’ każ ieħor ta’ stupru, u sostniet li dak l-istess raġel kien attakkaha wkoll f’okkażjonijiet differenti u serqilha xi oġġetti.

Fix-xhieda tagħha, il-vittma spjegat li l-akkużat kien daħal fil-ħanut fejn kienet taħdem u talab is-servizz tagħha għal messaġġi. Hija allegat li meta daħlu fil-kamra tal-massaġġi huwa talabha għal atti sesswali, u meta rrifjutat sar aggressiv u neżżagħlha ħwejjiġha bil-forza. Il-Qorti osservat li, skont il-verżjoni li aċċettat bħala kredibbli, f’żewġ okkażjonijiet separati l-imputat ipprova jwettaq stupru iżda ma rnexxilux minħabba r-reżistenza fiżika tal-vittma.

Il-mara xehdet ukoll li fit-tieni okkażjoni l-akkużat heddidha b’biċċa ħġieġa, filwaqt li fiż-żewġ każijiet ma ħallieha qatt titlaq mill-kamra jew mill-ħanut.

Dwar l-identifikazzjoni tal-akkużat, il-Qorti qalet li l-vittma kienet għarfitu minn ritratti li rat fil-midja u wara reġgħet identifikatu fl-awla mingħajr ebda eżitazzjoni.

Fil-piena, il-Qorti qalet li qieset il-fatt li l-imputat kien ilu ġej u sejjer Malta għal raġunijiet ta’ xogħol mis-sena 2020 u li l-fedina penali tiegħu f’Malta kienet netta. Madankollu, enfasizzat ukoll il-gravità tar-reati u l-fatt li l-imputat ma wera ebda forma ta’ rimors.

Għaldaqstant, huwa ġie kkundannat għal tmien snin priġunerija, bit-tnaqqis taż-żmien li għamel arrest preventiv marbut ma’ dawn il-proċeduri. Il-Qorti ordnat ukoll li għal 20 sena wara l-iskadenza jew il-maħfra tal-piena, il-ħati jkun projbit milli jeżerċita attivitajiet professjonali li jinvolvu kuntatt dirett jew regolari mat-tfal.

Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal perjodu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-iskadenza jew il-maħfra tal-piena, bil-Qorti tordna li kopja tagħha tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija.