Internazzjonali

Il-pajjiżi tal-Golf jinsistu li l-attakki tal-Iranjani fuq l-interessi tagħhom issa laħqu stat ‘intollerabbli’

Il-Gwerra tal-Iran issa għalqet tlett ġimgħat, bl-offensiva tal-Istati Uniti u Iżrael fuq dan il-pajjiż tirranka minn jum għal ieħor – u bl-Iran ikompli jispara baraxx ta’ missili wara l-ieħor lejn il-faċilitajiet fil-pajjiżi tal-Golf, fosthom l-Arabja Sawdija, l-Oman, il-Bahrain, Qatar u l-Kuwajt.

Intant, ir-riperkussjonijiet ekonomiċi ta’ din il-gwerra mistennija jinħassu għat-tul taż-żmien madwar id-dinja – bl-Istati Uniti tolqot il-faċilitajiet tal-enerġija tal-Iran  u bl-Iranjani jirritaljaw b’attakk preċiż fuq l-akbar faċilità għall-produzzjoni taż-żejt mhux irraffinat fil-Qatar.

L-Istati tal-Golf kollha qegħdin jintlaqtu kuljum direttament mill-impatt tal-gwerra u fl-aħħar sigħat indikaw li s-sitwazzjoni qed issir aktar intollerabbli.

L-Arabja Sawdija, fil-fatt, indikat li jekk l-Iran ikompli jattakkalha l-infrastruttura, għandha tkun kostretta li tirritalja bil-mezzi militari.

Il-Ministru Sawdi għall-Affarijiet Barranin, Faisal bin Farhan, qal li ‘il-paċenzja tal-Gvern tiegħu għandha l-limiti’ waqt li wissa li l-Arabja Sawdija u l-alleati tal-Golf għandhom il-kapaċitajiet militari sinifikanti biex jolqtu lill-Iran jekk kemm-il darba huma jiddeċiedu dan.

Il-pajjiżi tal-Golf għandhom il-qawwiet tal-ajru b’saħħithom iżda l-parteċipazzjoni tagħhom f’din il-gwerra għandha ġġorr element kbir ta’ sogru għar-reġjun sħiħ u ‘il hinn minnu.

Dan għaliex ftit hemm dubju li l-Iran, f’din is-sitwazzjoni, għandu jżid bil-kbir il-bumbardamenti fuq il-pajjiżi madwar il-Golf Persjan u fejn, fost oħrajn, jimmira wkoll għall-bini tal-Gvernijiet.

Sadanittant, l-Emirati Għarab, il-Kuwajt, l-Arabja Sawdija u Bahrain, ilkoll irrappurtaw li l-interessi tagħhom kollha reġgħu ntlaqtu mill-missili u d-drones tal-Iranjani – b’numru ta’ drones iqabbdu n-nirien f’raffinerija taż-żejt fil-Kuwajt.

L-Ewropa u pajjiżi oħra tan-NATO, fl-istess ħin, għadhom qed jirrifjutaw il-pressjoni tal-Istati Uniti biex tibgħat il-vapuri tal-gwerra tagħha fir-Rotta ta’ Hormuz ħalli jiddefendu lill-bastimenti taż-żejt u oħrajn merkantili li jinsabu weqfin fil-baħar.

L-Iran iwissi lir-Renju Unit

Filwaqt li l-pajjiżi tal-Punent jinsabu determinati biex ma jipparteċipawx f’din il-gwerra – il-Ministru tal-Iran għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi, informa lis-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin,  Yvette Cooper, li kwalunkwe assistenza  provduta lill-Istati Uniti għandha twassal għal eskalazzjoni kbira tas-sitwazzjoni fil-Golf.

Ir-Renju Unit, għal snin l-akbar alleat tal-Istati Uniti, qed jiċċara l-pożizzjoni tiegħu fis-sens li mhux se jkollu sehem attiv fil-Gwerra tal-Iran.

L-istqarrija tal-Britanniċi sostniet, madankollu, li ‘ir-Renju Unit awtorizza lill-Istati Uniti biex tuża l-bażijiet tiegħu fuq livell limitat u għal skopijiet ta’ difiża quddiem l-attakk min-naħa tal-Iran u bħala l-aħjar azzjoni lejn it-tnaqqis tat-theddida urġenti għal-Lvant Nofsani u d-dinja.’

Sadanittant, l-Iżraeljani komplew jattakkaw il-bażijiet tal-Gwardja Repubblikana Iranjana fil-qalba ta’ Teheran, anki waqt li l-Iranjani kienu qed ifakkru l-avveniment ta’ Nowruz – is-Sena l-Ġdida għall-Persjani.

Fl-istess ħin, l-Iranjani, għall-ewwel darba f’din il-gwerra, fetħu baraxx bil-missili fuq l-inħawi ta’ Ġerusalemm ikkontrollati mill-Iżraeljani,

Sadanittant, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, wiegħed li Iżrael mhux se jkompli jattakka liz-zoni tal-Iran li jipproduċu l-gass fuq it-talba speċifika tal-President Donald Trump u fid-dawl tal-kriżi għar-riżorsi tal-enerġija.