Internazzjonali

Imut l-attur Chuck Norris li kiseb fama dinjija għall-films tal-azzjoni

L-attur veteran Amerikan Chuck Norris miet fl-età ta’ 86 sena wara karriera twila bħala protagonista fil-films ta’ azzjoni…Films li saru magħrufin madwar id-dinja u li, tul is-snin, ispiraw numru ta’ produzzjonjiet simili għaċ-ċinema.

Fil-fatt, Norris, li kien champion mondjali tal-arti marzjali, kien sar ukoll ikonu u simbolu ewlieni tal-action movies tant popolari li ħarġu bejn l-aħħar tas-sebgħinijiet u s-snin disgħin.

Forsi Chuck Norris jibqa’ magħruf l-aktar għall-famuża ġlieda mal-attur Bruce Lee, leġġenda tal-Kung Fu, li nġibdet fil-Kolossew ta’ Ruma bħala konklużjoni drammatika għal Way of the Dragon…Il-film li ħareġ fl-1972 u fi żmien meta l-films tal-Kung Fu kienu fl-aqwa tagħhom.

Wara dan id-debutt fid-dinja taċ-ċinema, Chuck Norris għamel suċċess kbir anki permezz tal-films Invasion USA, The Delta Force, Missing In Action u Lone Wolf McQuade li kollha marru tajjeb fil-Box Office.

Intant, Norris se jibqa’ ukoll imsemmi għall-karattru popolari ta’ Cordell ‘Cord’ Walker fis-sensiela televiżiva Walker, Texas Ranger.