Għawdex Lokali Turiżmu

It-turiżmu ta’ kwalità għandu jkun pilastru ewlieni tal-ekonomija Għawdxija

It-turiżmu ta’ kwalità għandu jkun pilastru ewlieni għall-ekonomija ta’ Għawdex. U dan il-ħsieb jirrifletti wkoll il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, li jippromwovi żvilupp sostenibbli u valur miżjud għall-industrija turistika.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta ltaqa’ mal-ħaddiema u l-management tal-Lukanda Kempinski San Lawrenz f’Għawdex. Il-Kap tal-PN ra x-xogħol ta’ ristrutturar u tisbiħ li sar fil-lukanda biex jitjiebu s-servizz u l-kwalità tal-prodott u s-servizzi offruti.

Investimenti bħal dawn jirriflettu l-potenzjal ta’ Għawdex li jattira turisti li jfittxu esperjenza ta’ livell għoli u sostenibbli. Jirriflettu wkoll l-importanza li nħarsu lejn il-kwalità aktar milli lejn il-kwantità.

Wara li ntlaqa’ mit-tmexxija tal-lukanda, il-Kap tal-PN enfasizza wkoll il-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija, partikolarment fejn jidħlu permessi u l-ingaġġ tal-ħaddiema, biex stabbilimenti bħal dawn ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti u jikbru.

Matul iż-żjara, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u mill-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Beppe Galea.