L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering laqgħet b’mod tajjeb ħafna il-proposta tal-Partit Nazzjonalista – li l-VAT għar-ristoranti u l-kiosks tinżel minn 18% għal 7%.
Fi stqarrija ffirmata mill-President tal-ACE Michelle Muscat, l-assocjazzjoni spjegat illi din il-proposta hija waħda li se ssarraf f’sostenn għall-istabbilimenti tal-catering. U għalhekk, ilhom dawn l-aħħar 5 snin jappellaw lill-Gvern biex jieħu azzjoni.
Tant hu hekk, li l-ACE laqgħet il-proposta li ressaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u li wiegħed li se jkun qed jagħmel fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Prim Ministru ġdid ta’ pajjiżna.
Fil-fatt, l-ACE stiednet lill-Partit Nazzjonalista sabiex jiltaqa’ u jiddiskuti l-aħjar mod kif din il-proposta ssir fl-ewwel mitt jum ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.
L-ACE tenniet li din il-proposta primarjament hija ta’ sostenn għall-istabbilimenti tal-catering u li se tgħin lill-industrija biex issir aktar kompetittiva. Speċjalment meta wieħed jikkunsidra li f’pajjiżi oħra fil-Mediterran…ir-rata diġa’ hi ferm inqas minn dik ta’ Malta.
Intant, din il-proposta ta’ Alex Borg biex tonqos il-VAT, hija waħda biss minn lista twila ta’ proposti li huma intiżi jgħinu lin-negozji. Dan apparti li hemm ukoll proposti separati biex il-ħaddiema wkoll jiġu inċentivati – fejn Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-COLA sħiħa u ma jintaxxax l-ewwel €10,000 li impjegat jaqla minn xogħol part-time jew full-time.
//= $special ?>

