L-assoċjazzjoni li hi responsabbli mill-waterpolo f’pajjiżna, l-ASA ħarġet stqarrija biex twieġeb għall-allegazzjonijiet li saru permezz ta’ artiklu li kien ippublikat minn Times of Malta llum. L-artiklu jkompli fuq l-istorja li kienet żveleta mill-istess gazzetta ftit tal-ġimgħat ilu dwar allegat match fixing minn plejers tat-tim nazzjonali Malti, waqt li dawn kienu qed jirrapreżentaw lil pajjiżna fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej li saru fis-Serbja.
F’aktar żviluppi minn din l-istorja, Times of Malta llum irrapurtat li l-każ imsemmi, allegatament jinvolvi numru ta’ plejers tal-waterpolo u saħansitra kowċ f’attivitajiet relatati ma’ match fixing.
L-ASA ċċarat li l-kowċ imsemmi fl-artiklu mhuwiex il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti. L-istess assoċjazzjoni enfasizzat li qed tieħu b’serjetà kbira kull każ li jaffettwa l-integrità tal-isport u għandha politika ta’ tolleranza żero għal kull ksur ta’ din l-integrità, inkluż imġiba relatata ma’ match fixing.
L-ASA spjegat li formalment talbet aċċess għar-rapport rilevanti li jinsab għand il-Malta Gaming Authority (MGA). Dan ir-rapport għadu mhux f’idejn l-ASA u fl-istqarrija, l-assoċjazzjoni saħqet li sforz il-fatt li ri ċentament bdew jinnutaw nuqqas ta’ relazzjoni u waqaf kwalunkwè kuntatt legali formali, l-informazzjoni li qed jitolbu mhux qed tiġi mogżtija lill-ASA. Għaldaqstant, minħabba din is-sitwazzzjoni u l-fatt li m’hemmx komunikazzjoni bejn l-ASA u l-MGA, l-ASA bdiet il-proċessi legali meħtieġa biex tikseb ir-rapport.
Fl-istqarrija, l-ASA tkompli tgħid li bħalissa qed jiġi stabbilit qafas legali xieraq permezz tal-uffiċċju tal-Uffiċjal tal-Integrità tal-ASA biex jiġi żgurat li kull skambju ta’ informazzjoni sensittiva jsir skont l-obbligi legali u regolatorji.
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, l-ASA żiedet tgħid li sakemm ir-rapport ma jasalx b’mod legali għandha, l-ASA ma tistax tieħu azzjoni dixxiplinari u ma tistax tagħmel ġudizzju fuq l-individwi kkonċernati. Madankollu, ladarba tirċievi r-rapport u skont is-sejbiet tiegħu, l-ASA se taġixxi mingħajr dewmien u tieħu l-miżuri meħtieġa skont ir-regolamenti tagħha u l-istandards internazzjonali.
//= $special ?>

