- Malta u Għawdex se jospitaw tmien dixxiplini sportivi mifruxin fuq sitt ijiem ta’ kompetizzjoni
- Malta se tilqa’ madwar 1,200 atleta minn 74 nazzjon u territorju
Malta 2027 ħabbret id-dati u l-postijiet fejn ser iseħħu l-Commonwealth Youth Games tas-sena d-dieħla. Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ta’ Malta 2027 se ssir nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru, u wara se jkun hemm programm intensiv mifrux fuq sitt ijiem li jibda s-Sibt 30 ta’ Ottubru u li jibqa’ għaddej sal-Ħamis 4 ta’ Novembru.
Huwa mistenni li Malta tilqa’ madwar 1,200 atleta, ta’ bejn l-14 u t-18-il sena, minn 74 nazzjon u territorju tal-Commonwealth. Seba’ faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali madwar il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex se jospitaw is-sitt ijiem ta’ kompetizzjoni.
It-tmien dixxiplini sportivi se jsiru fil-Pixxina Indoor tal-Cottonera – Water Polo 4×4; fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq – Għawm u Para Għawm; fl-iStadium tal-Atletika tal-Marsa – Atletika u Para Atletika; fiċ-Ċentru Sportiv tal-Marsa – Squash u Weightlifting; fil-Bajja tal-Mellieħa – Ibburdjar; fil-Padiljun Sportiv u Akwatiku tar-Rabat Għawdex Pavilion – Netball; u fil-Bajja ta’ Marsalforn – Triathlon.Il-programm sportiv se jinkludi tmien sports: Atletika u Para Athletics, Għawm u Para Swimming, Ibburdjar, Netball, Squash, Triathlon, Water Polo u Weightlifting.
Malta 2027 se tospita l-akbar programm Para fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni, billi tibni fuq l-inklużjoni storika tal-Para Atletika fl-aħħar edizzjoni tal-Commonwealth Youth Games f’Trinidad u Tobago. Il-Logħob se jinkludi wkoll id-debutt tal-Ibburdjar u l-Water Polo f’din il-kompetizzjoni.
Il-Commonwealth Youth Games saru għall-ewwel darba f’Edinburgh fl-2000, bil-għan li jipprovdu kompetizzjoni internazzjonali memorabbli għal atleti żgħażagħ madwar il-Commonwealth u joħolqu triq għall-progress lejn il-livell kompetitiv għal kbar. Minn dakinhar, aktar minn 6,000 atleta ħadu sehem matul l-istorja tal-Logħob.
L-aħħar edizzjoni saret f’Trinidad u Tobago f’Awwissu 2023, u kienet l-akbar edizzjoni sal-lum.
Malta, bħala pajjiż ospitanti fl-2027, se tkun qed tfittex li tibni fuq l-aqwa riżultat tagħha f’Trinbago 2023, miksub minn Kai Azzopardi li spiċċa fir-raba’ post fil-Men’s Individual Super Sprint Triathlon.
//= $special ?>

