Neville Gafà fetaħ kritika diretta lejn il-podcast tal-Partit Laburista “Isma’ Dean”, fejn qal b’mod ċar li lanqas għandu interess isegwi l-programm, filwaqt li attakka l-mod kif qed jitmexxa u l-għażla tal-mistiedna.
Fil-blog tiegħu, Gafà irrefera għall-episodju riċenti li fih kien mistieden John Bundy, u qal li minkejja li ma rahx, ma jħossx il-bżonn li jarah. “Ma rajtux u lanqas għandi interess narah,” kiteb, hekk kif spjega li fil-fehma tiegħu l-Partit Laburista għandu biżżejjed nies li kapaċi jwasslu l-messaġġ politiku.
Gafà kompla jikkritika l-fatt li waqt kampanja elettorali, il-podcast qed jagħti spazju lil persuni li skontu mhumiex “minn ta’ quddiem” biex iwasslu l-messaġġ tal-partit. Huwa sostna li l-attenzjoni għandha tkun fuq il-proposti u l-viżjoni tal-Partit Laburista għall-leġislatura li jmiss.
Fl-istess kitba, huwa semma wkoll kif Bundy, wara l-podcast, kien ikkritika lil ONE News u sejjaħ l-istil ta’ rapportar bħala “ġurnaliżmu tal-biċċa”.
Iżda l-kritika ma waqfitx hemm. Gafà qal li l-Partit Laburista għandu bżonn “New Thinking”, b’mod partikolari fil-qasam tal-komunikazzjoni. Huwa sostna li hemm nuqqas ta’ bilanċ fil-mod kif jingħata spazju lil esponenti differenti fil-midja, fejn xi wħud qed jingħataw prominenza filwaqt li oħrajn qed jitħallew fil-ġenb.
Huwa żied li din is-sitwazzjoni qed toħloq tensjoni interna bla bżonn, u wissa li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu bħalissa jistgħu jagħmlu ħsara lill-Partit f’mument kruċjali qabel elezzjoni ġenerali.
Gafà temm billi tenna diversi drabi li l-Partit Laburista jeħtieġ direzzjoni ġdida u mentalità moderna, hekk kif – skont kliemu – il-partit se jidħol għal din l-elezzjoni bħala underdog quddiem sfidi kbar.
//= $special ?>

