Opinjoni

Opinjoni: 13-il sena… iktar minn biżżejjed!

Din il-ġimgħa l-Partit Laburista ftit li xjen fakkar ir-rebħa elettorali ta' 13-il ssena ilu; bir-raġun għaliex iridu jnessu l-wiegħdi li għamlu u li ma żammewx mal-poplu Malti. Iridu jnessu lin-nies, dak li twettaq fl-ewwel snin ta' dan il-Gvern Laburista li mhu gvern ġdid xejn anzi hu gvern imnawwar bi skandlu wieħed wara l-ieħor

Dione Borg
Kandidat PN
11-il Distrett

Tlettax-il sena ta’ Gvern Laburista; tlettax-il sena ta’ gvern li llum qed iwettaq l-oppost ta’ dak li wiegħed tlettax-il sena qabel.
Tettax-il sena ilu, b’maġġoranza kbira, il-poplu Malti għażel għażla demokratika u eleġġa fil-gvern lill-PL immexxi minn Joseph Muscat. Partit li tela’ fil-gvern bl-għajta ta’:
żero tolleranza fuq
il-korruzzjoni
meritokrazija
kwalità tal-ħajja tal-ogħla livell
soluzzjonijiet għat-traffiku
tisħiħ tal-istituzzjonijiet
l-aqwa reputazzjoni għal Malta
push-back għar-refuġjati
kontroll tal-għoli tal-ħajja
konservazzjoni tal-ambjent
pjani lokali li jirrispettaw l-identità Maltija
tisħiħ tal-lingwa u l-kultura
xandir pubbliku bilanċjat
parlament awtonomu
protezzjoni tal-konsumatur
l-aqwa servizzi mediċi fl-isptarijiet
sptar ġdid f’Għawdex
l-aqwa vapuri bejn Malta u Għawdex
sptar ġdid fit-tramunata ta’ Malta
skola ġdida kull sena
kontroll u trażżin tad-dejn tal-pajjiż
living wage għall-familji
mediċini tal-ogħla kwalità fid-djar b’xejn
pjan nazzjonali dwar il-popolazzjoni
jinqered il-faqar
ikun hawn iktar djar soċjali milli applikazzjonijiet
pulizija effettiva kontra l-kriminalità
sigurtà fil-komunitajiet
Ma’ dawn kien hemm wiegħdi oħra li bihom il-PL irnexxielu jikkonviċni lill-poplu Malti biex itih l-appoġġ. Sa mill-għada li kien elett fil-gvern, il-PL beda juri l-intenzjonijiet veru tiegħu meta beda jitħaddem il-pjan veru u propju tal-PL. Immedjatament bdew il-pjani biex jibdew jinfetħu l-kumpaniji sigriet fil-Panama.

Goveranza u Korruzzjoni istituzzjonalizzata
Il-problema kbira u ewlenija tal-Gvern Laburista hi l-korruzzjoni istituzzjonalizzata li ddominat dan il-gvern fl-aħħar 13-il sena. Ma’ kinitx korruzzjoni iżolata magħmula minn xi persuni iżda strateġija ta’ korruzzjoni li wasslet biex dan il-gvern kien ittimbrat bħala l-aktar gvern korrott fl-istorja; iktar minn dak tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet.
Il-fatt li wħud mill-ministri tal-Gvern Laburisti, u anki l-Prim Ministru Joseph Muscat, kellhom jirriżenjaw mill-karigi tagħhom minħabba rabtiet ma’ ċertu elementi wasslet biex il-Gvern Laburista tilef kull kredibbiltà li qatt seta’ kellu fil-govenranza.
Il-każi ta’ governanza ħażina inkludew diversi każi fosthom u fuq quddiem il-każ tal-isptarijiet, tal-power station, tal-kumpaniji sigrieti l-Panama u Dubaj, il-każi fl-awtoritajiet, fil-pensjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà severa, fil-karti tal-identità, fil-persons of trust, fil-miljuni mqassma f’direct orders u f’tant każi oħra.
Bla dubju l-każ tal-isptarijiet jibqa’ dak ewlieni għall-fatt li fih il-gvern ammetta li lil Vitals u Steward għaddielhom €900 miljun meta dawn ma wettqux dak li kellhom iwettqu fil-kuntratti li għamlu mal-istess Gvern Laburista. Dan hu wkoll gvern li fil-qorti stess kien ipprovat li mexa b’irregolaritajiet qabel, waqt u wara l-iffirmar tal-kuntratti ma’ Vitals u Steward.
In-nuqqas ta’ governanza tajba wassal lil dan il-gvern biex ikun mifni bi skandlu wieħed wara l-ieħor; liema skandli u każi wasslu biex kien hemm diversi riżenji ta’ ministri Laburisti. Prattikament dan hu gvern li jgħaddi minn skandlu għall-ieħor; tant għandu skandli li ħafna minnhom lanqas għadhom ikunu kkunsidrati bħala valur tal-aħbar! Iżda quddiehom il-Prim Ministru Laburista Robert Abela qed jidher dgħajjef għaliex ma jiħux pożizzjoni… jew meta jieħu jkollu jirtira minnha.

Popolazzjoni
Problema ewlenija li turi n-nuqqas ta’ pjan li kellu l-Gvern Laburista meta tela’ 13-il sena ilu hi dik dwar il-mod kif il-gvern faqa’ lill-pajjiż bil-popolazzjoni. Dan ma sarx b’mod ta’ tkabbirir naturali iżda sar bl-importazzjoni ta’ iktar minn 120,000 ħaddiema barrani.
Hu fatt li ċertu setturi tal-ekonomija kellhom bżonn ħaddiema barranin biex ikomplu għaddejjn iżda n-nuqqas ta’ viżjoni tal-gvern u n-nuqqas ta’ pjan wasslu biex illum il-ġurnata l-pajjiż għandu problema kbira minħabba l-pressjonijiet kbar li l-popolazzjoni esaġerata qiegħda ġġib fuq diversi setturi tal-pajjiż. Il-problema tal-popolazzjoni qed iġġib ukoll konsegwenzi fuq il-ħaddiema Maltin li llum qed jispiċċaw jikkompetu ma’ ħaddiema barranin minn pajjiżi tat-tielet dinja li qed jaċċettaw pagi u kundizzjonijiet ħafna inqas.
L-inġustizzji jkomplu jikbru meta jkun ikkunsidrat il-kundizzjonijiet degradanti li ħafna minn dawn il-ħaddiema barranin qed jgħixu fihom f’Malta.

Reputazzjoni internazzjonali
Waħda mill-ikbar problemi li ħoloq dan il-gvern kienet dik li tappan bis-sħiħ ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta. Il-każi ta’ korruzzjoni f’każi li nfirxu anki internazzjonlament wasset biex Malta tilfet dik il-kredibbiltà pożittiva li kellha u li wasslitha biex saret membru tal-UE.
Din is-sitwazzjoni wasslet biex il-Gvern Laburista beda jkun kritikat bis-saħħa minn istituzzjonijiet barranin għall-mod kif kien qed jitratta s-saltna tad-dritt f’Malta. Il-fatt li l-Gvern Laburista daħħal lil Malta fil-Lista l-Griża kien ta’ daqqa ta’ ħarta kbira għall-pajjiż. Każ partikolari li tappan ir-reputazzjoni ta’ Malta kienet l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-passaporti; skema li spiċċat biex kellha tkun irtirata wara sentenza tal-Qorti Ewropa tal-Ġustizzja. Minbarra kundanni fuq is-saltna tad-dritt, dan il-gvern kien anki kkundannat mill-istess Soċjalisti Internazzjonali.

Saltna tad-Dritt
Bla dubju li s-saltna tad-dritt u l-PL ma jistgħux joqogħdu id f’id. L-istorja politika tal-pajjiż turi li l-Gvern Laburista dejjem kellu problemi biex iwettaq saltna tad-dritt ġusta u korretta. Kull meta kien fil-gvern, il-PL dejjem attwa politika li ma rrispettatx is-saltna tad-dritt iżda l-aħħar 13-il sena kienu l-akbar tagħlima għall-poplu Malti li l-PL ma jitgħallem qatt kif jirrispetta l-istituzzjonijiet u s-saltna tad-dritt.
L-ambjent negattiv u perikoluż li l-Gvern Laburista ħoloq fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wassal biex eventwalment sar pjan biex din inqatlet f’dak li kien qtil politiku li mhux biss ixxokkja pajjiż iżda xxokkja Ewropa.
Minkejja l-gravità tas-sitwazzjoni wara dan il-qtil, il-Gvern Laburista baqa’ jopponi li ssir inkjesta indipendenti dwar dan il-każ. Meta fil-fatt kellu jaċċetta li din l-inkjesta ssir, il-konklużjonijet tagħha ma kienu xejn pjaċevoli għall-Gvern Laburista tant li l-inkjesta stabbiliet li l-Gvern Laburista kellu responsabbiltà li ħoloq l-ambjent li wassal għall-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia.
Dan il-qtil politiku kompla tappan ir-reputazzjoni ta’ Malta għalkemm issa bdiet tidher iktar ċara d-differenza u d-distinzjoni bejn il-Gvern Laburista u l-poplu Malti. Dan għaliex il-poplu Malti mill-ewwel wera li ma jaqbel xejn mal-Gvern Laburista fil-mod kif kien qed jitratta s-saltna tad-dritt; sitwazzjoni li wasslet għal dan il-qtil politiku.
Iżda l-kwistjonijiet li l-Gvern Laburista kellu u għandu mal-prinċipju tas-saltna tad-dritt ma waqfux hemm. Hu inkonċebibbli li Malta jkollha Prim Ministru li jattakka bil-qawwi u b’mod personali lil Maġistrat li qiegħda tagħmel inkjesta dwar il-każ tal-isptarijiet.
Minflok il-Prim Minisru Robert Abela għamel l-inkjesta maġisterjali tiegħu u użaha biex issir ġustizzja, għal raġunijiet partiġjani l-Prim Ministru Robert Abela ħareġ jattakka bil-qawwi lill-istess Maġistrat li kienet qed twettaq id-doveri tagħha.
Mhux biss; iżda jidher ċar li l-intenzjoni tal-gvern hi li ma jsiru l-ebda investigazzjonijiet dwar dan il-każ biex kollox jibqa’ mistur. Hu xokkanti li l-Kummissarju tal-Pulizija jiddikjara li ma ħassx li kellu jagħmel investigazzjonijiet dwar dan il-każ u ħalla kollox f’idejn il-Maġistrat.
Illum kulħadd jfihem tajjeb għaliex l-ewwel deċiżjoni li l-Gvern Laburista fl-2013 kienet li jibdel il-Kummissarju tal-Pulizija; minn hemm lil hawn il-Korp tal-Pulizija kellu numru ta’ kummissarji tal-pulizija li kollha rriżenjaw għal raġunijiet differenti.
L-aħħar kwistjoni dwar il-Prim Imħallef uriet x’inhuma verament il-kwalitajiet politiċi tal-Prim Ministru Robert li spiċċa ħoloq kontroversja fejn ma kienx hemm bżonn. Minflok daħal għall-konsultazzjoni mal-Kap tal-Opożizzjoni Alex Borg b’sens ta’ ġentlomerija politika, il-Prim Ministru għażel li f’nofs il-konsultazzjoni jikser il-kunfidenzjalità u jiżvela l-isem tal-Imħallef nominata minnu. Dan wassal għal sitwazzjoni bla preċedent bejn l-Imħallef Wenzu Mintof li għamel dikjarazzjoni ġuramentata li fiha għamel dikjarazzjonijiet serji u gravi fil-konfront tal-istess Prim ministru.

Ekonomija: Kwalità tal-ħajja
Dan kien gvern li wiegħed lill-poplu li l-ekonomija se tkun ibbażata fuq il-kwalità; kien PL li wiegħed li se jelimina u jaqta’ l-prekarjat. Mux biss falla milli jagħmel dan iżda kien il-Prim Ministru Robert Abela stess li ammetta li llum il-ġurnata, fil-kuntest tal-ħaddiema barranin, il-pajjiż għandu skjavitu. Il-pajjiż illum għandu ekonomija bbażata fuq iċ-cheap labour bl-importazzjoni ta’ eluf fuq eluf ta’ ħaddiema barranin li qed jinġiebu fil-livelli t’isfel tal-faxxa tax-xogħol.
Timbru ewlieni li dan il-gvern hu dak li ma rnexxielu joħloq l-ebda settur ekonomiku ġdid. Fil-fatt l-ekonomija Maltija llum hi bbażat fuq is-setturi ekonomiċi li ħoloq Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 u li tant kienu b’saħħithom li llum għadhom il-mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija.
Dan iwaqqa’ totalment l-argument tal-PL u tal-Prim Ministru Robert Abela li fl-2013, il-PL ma sab xejn wara Gvern Nazzjonalista. Il-fatt li sab dawn is-setturi ekonomiċi b’saħħithom u l-fatt li Malta tibbenefika bil-kbir mis-sħubija ta’ Malta fl-UE huma wkoll biżżejjed.
Il-kwalità tal-ħajja hi wkoll komponent importanti kemm fl-ekonomija tal-pajjiż kif ukoll fis-settur soċjali. Minkejja li hemm setturi tal-popolazzjoni li għadhom jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba, il-Gvern Laburista falla fil-wiegħda elettorali tiegħu li jeradika l-faqar.
Mhux biss ma eradikax il-faqar imma llum hawn eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin, madwar 90,000, li qed jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar. Dan hu xokkanti għaliex miegħu trid tinkuldi wkoll il-problema tal-akkomodazzjoni affordabbli li oriġinarjament il-PL kien wiegħed li se jirnexxielu jeliminaha. Mhux biss din ma kinitx eliminata iżda kompliet tikber u tiggrava.
Falliment kbir tal-Gvern Laburista fl-aħħar 13-il sena kien il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali fejn minkejja l-wiegħda li l-familji Maltin se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-prezzijiet, il-verità hi li llum fil-pajjiż inħoloq il-working poor; jiġifieri familji li għandhom impjieg iżda xorta ma jlaħħqux mal-ħajja. L-uniku tentattiv li għamel il-Gvern Laburista kien dak li jdaħħal l-iskema Stabbiltà li kellha falliment tant li l-Gvern Laburista stess kien waqqafha.

Ambjent
Wara 13-il sena l-Gvern Laburista qed iwiegħed tliet parks nazzjonali ġodda; Manoel Island, Selmun u l-White Rocks. Apparti li dawn huma diġà spazji miftuħa, hu ta’ diżappunt li dawn it-tliet ideat lill-Gvern Laburista ġewh wara 13-il sena. Il-poplu Malti kien jistenna li fi 13-il sena ta’ deterjorazzjoni tal-ambjent naturali tal-pajjiż, il-gvern kien illu ħafna iktar b’ideat għall-ħolqien ta’ spazji miftuħa.
Oriġinarjament il-Gvern Laburista kien wiegħed li se jikkonserva wkoll l-ambjent naturali tal-irħula u l-lokaliatjiet; xi ħaġa li ma saritx tant li llum bil-bini li qed jinbena ħafna lokalitajiet tilfu l-identità u l-karatterstika unika tagħhom.
Dan għaliex ma kien hemm l-ebda pjan biex l-ambjent tal-komunitajiet ikun preservat u konservat. Minbarra dan huma ħafna dawk il-lokalitajiet li qed isofru minn tniġġiż fl-arja kaġunat minn xogħlijiet li jkunu qed isiru u li l-awtoritajiet ma jikkontrollawx.


Element ieħor negattiv li hu kaġun taż-żieda fil-popolazzjoni u nuqqas ta’ pjan hu t-traffiku. L-aħħar 13-il sena kienu daqqa kbira ‘l isfel fl-immaniġġjar tat-traffiku fil-pajjiż. Minkejja li l-Gvern Laburista wiegħed li kellu pjan ħolistiku għat-traffiku fil-pajjiż; fil-verità ma kellu l-ebda tant li wara 13-il sena għadu qed jistudja x’jista’ jagħmel. L-idea tal-metro, li fuhqa nefqu mijiet ta’ eluf f’konsulenza, ma twettqet qatt tant li llum il-ġurnata l-gvern ma jafx x’inhi l-aħjar soluzzjoni.
Din twassal ukoll għall-problema kbira tat-tniġġiż fl-ajra fejn kaġun tat-traffiku llum il-poplu qed isofri minn emissjonijiet ogħla kaġunati mit-traffiku. Mill-arja għall-kwalità tal-baħar; Gvern Nazzjonalista ħalla l-ibħra Maltin l-aqwa ibħra fil-Mediterran. Dan kien ċeritifkat mill-aqwa għal pajjiżna partikolarment għall-industrija tant importanti tat-turiżmu. Illum il-ġurnata l-istess ibħra li fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu dikjarati bħala l-aqwa fil-Mediterran, qed ikunu ċertifikati fost l-aktar ibħra imniġġsa. Dan minbarra l-problema ta’ Gvern Laburista li qed jerġa’ jarmi d-drenaġġ fil-baħar; xi ħaġa li Gvern Nazzjonalista kien tant investa fiha biex titwaqqaf u fil-fatt twaqqfet.
Ir-relazzjoni bejn l-ambjent u l-enerġija hi waħda kruċjali. Gvern Laburista kien wiegħed li kien se jsolvi l-isfida tal-enerġija billi jibni power station ġdida li kellha tkun is-soluzzjoni biex jorħsu l-prezzijiet tal-enerġija. Fil-fatt Gvern Laburista veru bena power station ġdida iżda ma qalx lill-poplu li kien se jpoġġi tanker enormi tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk għaliex Malta m’għadhiex post għall-ħażna tal-gass.
Minbarra dan, Gvern Laburista kellu jonfoq €37 miljun biex jikri impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ emerġenza għaliex kellu problemi kbar ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku li ma kinitx qed tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-poplu Malti. Fuq kollox, dan l-impjant jitħaddem bid-diesel.

Mhux kontinwità iżda bidla
Qabel tela’ Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela kien iddikjara li jrid jimxi b’kontinwità ma’ dak li għamel Joseph Muscat. Bla dubju li dan sar bl-iskop li jikseb l-appoġġ biex jinħatar Mexxej Laburista; kif irnexxielu jagħmel.
Illum il-poplu Malti u Għawdxi ma jinteressahx il-kontinwità li jitkellem fuqha Robert Abela; iżda l-bidla li għandu bżonn il-pajjiż. Hi biss permezz ta’ din il-bidla li l-pajjiż jista’ jerġa’ jaqbad it-triq tat-titjib fil-kwalità tal-ħajja u tas-sotenibbiltà ekonomika. Pajjiżna jinsab f’salib it-toroq… is-soluzzjoni hi l-bidla.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Marzu, 2026.