Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
Fi tmiem il-Quddiesa funebri ta’ Lawrence Grech, l-Eks Editur tas-Sunday Times of Malta li ħalliena preċiżament bħal-lum xahar, il-kongregazzjoni kbira miġbura fil-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, taw ċapċipa kbira u twila, ħierġa mill-qalb ta’ ħafna nies li lil Lawrence kienu jafuh sew, mill-qrib.
Ħdejja kien hemm żewġ eks edituri oħra tat-Times, Victor Aquilina u Ray Bugeja. Dort lejhom u għedtilhom dak li kont qed inħoss dak il-ħin: “Jiġifieri biex editur jaqla’ ċapċipa jrid imut!”
Lawrence Grech jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar edituri rispettati u bilanċjati fl-istorja riċenti tal-ġurnaliżmu Malti. Jien sirt nafu u kellimtu għall-ewwel darba fil-15 ta’ Ottubru 1979 – magħruf bħala l-Black Monday – meta partitarji Laburisti kissru u ħarqu l-bini tat-Times. Dakinhar l-istaff tat-Times ġew fl-istamperija tagħna għall-kenn, u biex xorta waħda joħorġu l-gazzetta tagħhom. Reżiljenza li tat eżempju lilna, dak iż-żmien ġurnalisti żgħażagħ bi ftit esperjenza.
Bħala Eks Editur tas-Sunday Times hu ma kienx biss mexxej ta’ grupp ta’ ġurnalisti iżda wkoll figura morali u intellettwali li mexxiet dejjem bil-kelma u bl-eżempju. Ħajtu u l-ħidma tiegħu kienu mmarkati minn sens qawwi ta’ valuri nsara, integrità personali, u rispett lejn il-verità.
Sa minn żgħożitu wkoll, Lawrence wera mħabba profonda lejn il-kultura u l-arti. Kien jemmen – u naf dan għaliex tkellimna fuq hekk kemm-il darba – li soċjetà b’saħħitha tinbena fuq pedamenti ta’ edukazzjoni, kultura u sens ta’ ġmiel li jgħolli l-ispirtu tal-bniedem.
Ta’ spiss kien jagħti spazju lill-artisti, lill-kittieba, u lill-ħassieba biex jesprimu ruħhom, għaliex kien konvint li l-ġurnaliżmu m’għandux ikun biss mezz ta’ aħbarijiet iżda wkoll pjattaforma ta’ formazzjoni u riflessjoni. Fih kont issib dejjem moħħ miftuħ u qalb sensittiva lejn dak kollu li jrawwem il-ġid komuni.
Minkejja dan kollu li semmejt, dritt irrid ngħid b’enfasi kbira, li Lawrence Grech ma kienx bniedem li jaħrab l-isfidi. Meta l-verità kienet titlob kuraġġ hu kien hemm. Kien jaf “jiġġieled il-ġlieda t-tajba” b’mod ġurnalistiku, b’argumenti sodi u b’fatti verifikati, mingħajr ma qatt niżel għal livell, ta’ attakki personali jew kliem ta’ disprezz.
Dan jistgħu jixhduh l-eluf ta’ telespettaturi ta’ Net Television li fl-aħħar snin kienu draw il-preżenza ta’ Lawrence Grech f’għadd ta’ programmi ta’ attwalità u diskussjoni ġenerali.
Il-kritika tiegħu kienet dejjem bażata fuq prinċipji u mhux fuq emozzjonijiet tal-mument. Naf sew li anki meta kien jiffaċċja pressjonijiet jew kontroversji, hu dejjem żamm ton serju, dinjituż u rispettabbli. Din il-kwalità għamlitu persuna kredibbli u fdata kemm mill-eluf ta’ qarrejja tiegħu, kif ukoll minn dawk li ma kinux jaqblu miegħu.
Il-valuri nsara tiegħu ma kinux kliem sabiħ iżda realtà ta’ kuljum u dwar dan ukoll nista’ nixhed xi ftit jien, minkejja li ċerti affarijiet li ġieli qalli m’iniex se nirrepetihom hawn. U fejn kien hemm bżonn tkellem dirett u mingħajr tidwir mal-lewża.
L-umiltà, il-ġustizzja u s-sens ta’ servizz kienu jidhru fil-mod kif kien jittratta lin-nies ta’ madwaru. Kien jaf jisma’, jagħti parir u jinkoraġġixxi. Ħafna ġurnalisti żgħażagħ sabu fih mentor li mhux biss għallimhom il-ħiliet tal-professjoni iżda wkoll is-sens ta’ responsabbiltà morali li ġġorr magħha l-kitba pubblika.
Għalih, il-libertà tal-espressjoni kienet don prezzjuż li għandu jintuża b’għaqal u b’rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna.
Smajna u qrajna testimonjanza biżżejjed fil-jiem ta’ wara mewtu, dwar kemm barra mill-ħajja professjonali tiegħu, Lawrence kien ukoll raġel tal-familja u kemm kien jagħti prijorità lill-għeżież tiegħu u jsib bilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u l-ħin dedikat lill-familja. Fih kont tara l-istess koerenza li wera fil-karriera tiegħu: bniedem ta’ kelmtu, leali, u ta’ qalb tajba. L-imħabba lejn il-familja kienet il-pedament li fuqu bena kull suċċess ieħor f’ħajtu.
Meta llum inħarsu lejn il-wirt tiegħu, nistgħu ngħidu li Lawrence Grech kien tassew mudell ta’ ġurnalist u ċittadin. Fi żmien meta l-kliem jista’ jintuża biex jifred jew iweġġa’, hu wera li l-kelma – u aktar u aktar il-kitba – tista’ wkoll tgħaqqad, tgħallem u tibni. Ħajtu tibqa’ xhieda li l-professjonalità, il-prinċipji, it-twemmin, jistgħu jimxu id f’id.
Lawrence Grech ħalla warajh mhux biss eluf ta’ paġni miktuba iżda eżempju ħaj ta’ kif wieħed jista’ jgħix ħajtu u l-karriera tiegħu, b’dinjità, kuraġġ u rispett lejn kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

