Lokali Opinjoni

Opinjoni: Peter Serracino Inglott – Il-wirt tiegħu

Għalih il-vokazzjoni saċerdotali kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox. Kien meqjus qassis ribell, anzjuż li jara l-Knisja tgħix b’pass mgħaġġel l-ispirtu u l-ftehim tal-Konċilju Vatikan II
Erbatax-il sena ilu Malta tilfet wieħed mill-ulied l-aktar denji tagħha – il-Professur Dun Peter Serracino Inglott

minn
Louis Galea
President Fondazzjoni PSI

Fr Peter, kif ilkoll nafuh, huwa wieħed mill-ġganti Maltin tal-ħsieb, l-għerf, il-kreattività u l-innovazzjoni. Iżda, dawk li kellhom ix-xorti jkunu qrib tiegħu – il-familja, l-istudenti, sħabu seminaristi u qassisin, professuri u lecturers, parruċċani nisa u rġiel ta’ San Pawl il-Belt u Tal-Erwieħ f’ Ħal Tarxien, il-ħbieb f’Malta, Għawdex u barra, dawk li tagħhom kien konsulent – iqisuh l-aktar bħala ġgant tal-umiltà, tal-umanità, tal-imħabba għall-proxxmu, tat-twemmin assolut tiegħu fid-dinjità ta’ kull persuna.
Fr Peter ma kienx jemmen biss, jipprietka biss. Imma kien iwieġeb b’saħħa għal kull sejħa kontra l-inġustizzji, il-faqar, il-mard, il-vjolenza, kontra dak kollu li b’xi mod jhedded id-dinjità tal-persuna.
Fr Peter kien il-bniedem tal-paċi, sakemm din tkun paċi ġenwina, vera, mibnija fuq il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta’ kull persuna. In-nuqqas, wisq aktar l-assenza, ta’ dawn il-valuri, huma l-kawża tal-inkwiet, il-ġlied, il-vjolenza, il-gwerer.
Għalhekk Fr Peter qatt ma beża’, f’kull ċirkostanza, iqum u jikkritika, jipprotesta, u jieħu kull azzjoni leġittima biex joħloq kuxjenza u pressjoni biex jieqfu jirrenjaw l-għedewwa tal-paċi. Qatt ma ta kas x’jaqbel lilu. Qatt ma kien għax-xiri. Qatt ma ta kas l-unuri, wisq anqas il-promozzjonijiet. Ipprefera jittarraf minn Malta f’Milan għal snin flok ikun kompliċi fl-isfreġju li l-Gvern ta’ Mintoff wettaq fuq l-Università f’nofs is-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor.

Dawk li kienu l-aktar qrib tiegħu baqgħu jqisuh bħala ġgant tal-umiltà, tal-umanità, tal-imħabba għall-proxxmu, tat-twemmin assolut tiegħu fid-dinjità ta’ kull persuna

Ma ngħalaqx fuq l-artal u s-sagristija
Għalkemm ħaddan sa mewtu l-vokazzjoni ta’ qassis, ma ngħalaqx fuq l-artal u s-sagristija. Ħabb lil Alla u l-Knisja universali b’qalbu kollha, b’saħħtu u b’moħħu kollu, anke jekk dejjem b’moħħ miftuħ, u b’apprezzament li Kristu ġie fid-dinja biex jifdi lil kulħadd, anki lin-nagħġa mitlufa.
It-tradizzjonijiet kien iqishom parti essenzjali mill-memorja tal-bniedem u mill-kultura tas-soċjetà. Ħallih jiddandan u jieħu gost fil-festa ta’ San Pawl u ċelebrazzjonijiet ewlenin oħra. Iżda qatt ma ntrikeb mit-tlellix tal-paramenti sagri, vestwarju, u l-birettini, u lanqas ixxennaq għal xi titlu. Father kien, u father miet.
Qed inħażżeż dawn il-ħsebijiet mhux biex inpinġi lil Fr Peter bħala xi bniedem perfett. Imma f’dan l-anniversarju rrid infakkar uħud mill-kwalitajiet u valuri sbieħ li kien jissielet biex isegwi għaliex dawn huma parti mill-wirt għani li ħallielna. Jeħtieġ li lkoll inżommu dan il-wirt bħala xempju għall-ħajja tagħna u tas-soċjetà f’kull ħin u qasam.
L-ewwel darba li smajt b’Fr Peter kien fl-1965 meta dħalt l-Università. Mill-ewwel smajt kemm hu lecturer tajjeb, dħuli, bil-bieb ta’ kamartu dejjem miftuħ għal min ifittex l-għajnuna u l-pariri tiegħu, sew fuq kwestjonijiet ta’ studju kif ukoll fuq ħwejjeġ personali. Mill-ewwel sirt attiv fl-għaqdiet tal-istudenti. Fittixtu biex insir nafu. U biex nibda insieħbu fl-attivitajiet tal-istudenti, fl-istess waqt li kont nixrob mit-tagħlim u l-pariri tiegħu.

L-ewwel quddiesa bil-kitarri
Waħda mill-ewwel esperjenzi li kellna flimkien kien fl-1968. Konna għadna kif tlajna fil-Kampus il-ġdid Tal-Qroqq. Waħda mill-għaqdiet li kont fiha kienet l-Għaqda tal-Istudenti Kattoliċi tal-Università. Ftit snin qabel il-Papa Ġwanni XXIII kien fetaħ it-twieqi tal-Knisja beraħ meta nieda t-Tieni Konċilju Vatikan. Aħna ridna noffru liturġija li tiġbed iż-żgħażagħ, u ħriġna bl-idea li nagħmlu quddiesa bil-kitarri.
Mess lili li mmur il-Kurja biex nitlob il-permess lill-Arċisqof Mons Mikiel Gonzi. Ma stajtx nipperswadih. Mort u sibt lil Fr Peter, f’dan iż-żmien qassis u lecturer żagħżugħ, u għedtlu x’ġara. Bejn nifs u ieħor, b’ton mill-aktar kalm u bi tbissima qalli: “Intom morru u lestu kollox. Issa nsibilkom qassis jien.” Ħabbarna l-quddiesa bil-kitarri fis-Sala tal-Common Room f’Dar l-Istudenti. Wasal il-jum, lestejna mejda, dvalja, salib, u żewġ xemgħat, attendew ħafna studenti. U l-qassis ġie – Fr Peter innifsu.
Din kienet l-ewwel quddiesa bil-kitarri li qatt saret f’Malta. Imbagħad bdiet issir f’postijiet oħra, sakemm illum saret parti normali mil-liturġija.
Hemm episodji u ġrajjiet oħra li nista’ nixhed dwar kemm ħadem Fr Peter f’ħafna oqsma għall-ġid tal-poplu Malti. Għal-lum nirreferi biss għall-esperjenza li fiha rajt kif Fr Peter kien jieħu ħsieb ommu fid-dar f’Ħal Tarxien fl-aħħar snin ta’ ħajjitha – b’għożża, b’ħila, b’paċenzja bla limitu; żammha fuq wiċċ l-idejn, jitmagħha, jikkuraha, jdewwiha. U dejjem bla qatt ilissen tgergir, fl-istess waqt li jkompli jaħdem mid-dar f’Ħal Tarxien, jilqa’ lil din u l-ieħor fuq kull suġġett. Mhux kliem, imma azzjoni fejn jidħlu s-servizzi soċjali b’tifsila personali.

Ġenju versatili
Fr Peter, ġenju versatili, Professur tal-Filosofija u Rettur tal-Università, connoisseur tal-lingwi, kultura, arti, b’għerf fuq varjetà ta’ oqsma soċjali, ekonomiċi, politiċi, b’ħakma aġġornata tal-iżviluppi li kienu qed iseħħu fid-dinja, ta kontribut ewlieni u mill-aktar validu għall-iżvilupp tas-soċjetà Maltija, u f’numru ta’ għaqdiet internazzjonali. Mhux lok f’artiklu qasir fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju minn mewtu li nwassal apprezzament ġust tal-wirt ta’ dan il-Malti hekk kbir.
Għal min irid jiskopri min kien Fr Peter nirreferih għall-bijografija ta’ Daniel Massa ‘PSI KINGMAKER, Life, thought and adventures of Peter Serracino Inglott,’ pubblikata fl-2013, volum ta’ 908 paġni.
Minbarra li studja fl-Università ta’ Malta, Fr Peter studja f’universitajiet f’Oxford, Milan u Pariġi. Għal snin twal għallem il-filosofija f’Malta, u ġie mistieden ħafna drabi jagħti lectures barra minn Malta. L-influwenza u t-timbru tiegħu fuq l-Università ta’ Malta huma ta’ valur u interess li ħaqqu jiġi apprezzat aktar u riċerkat.
Fost l-ewwel ħidma pastorali li kienet ferm għal qalbu kellu dik ta’ Chaplain taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara (1965 -1970). Iltqajt miegħu diversi drabi fil-HQ tal-moviment fil-Floriana, fejn kien ikun hemm ukoll Fr Joe Inguanez flimkien ma’ attività kbira ta’ żgħażagħ. Dan kien iż-żmien fejn Fr Peter ħarreġ ħafna minna ż-żgħażagħ u studenti fuq il-motto tal-fundatur taż-ŻĦN, il-Kardinal Belġjan Joseph Cardjin, “ARA, IĠĠUDIKA, AZZJONI”.
Dan kien iż-żmien fejn Fr Peter xettel l-għeruq tal-ħidma favur il-ġustizzja soċjali u l-importanza tal-formazzjoni taż-żgħażagħ.
Inizjattiva importanti oħra kienet it-twaqqif tal-ewwel ‘union’ tas-sefturi fi żmien meta ħafna tfajliet Maltin u Għawdxin kienu jagħmlu dan ix-xogħol, f’kundizzjonijiet fejn is-sefturi kienu mitluqin għal riħhom fil-ħniena tas-sinjur u s-sinjura.

Impatt monumentali fl-edukazzjoni u l-akkademja
Fr Peter ħalla impatt monumentali fil-qasam tal-edukazzjoni u l-akkademja, u fl-oqsma soċjali, kulturali u politiċi, speċjalment bħala ħabib u konsulent ta’ diversi politiċi, ta’ kull lewn, imma b’mod partikolari tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u tiegħi, Fr Peter serva wkoll bħala rappreżentant ta’ Malta (2001-2003) fuq il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa mmexxija mill-Eks President Franċiż Giscard d’Estaing, ħidma ambizzjuża u viżjonarja li wasslet għall-“Abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa”, bil-ħsieb li tissimplifika t-trattati tal-UE u ssaħħaħ il-leġittimità demokratika.
Imma għalih il-vokazzjoni saċerdotali dejjem kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox. Kien meqjus qassis ribell, anzjuż li jara l-Knisja tgħix b’pass mgħaġġel l-ispirtu u l-ftehim tal-Konċilju Vatikan II. Kien konxju bl-aktar mod ċar dwar is-sinjali taż-żminijiet – it-taqlib u t-tibdil mgħaġġel fis-soċjetà, fil-familja, fl-iżvilupp ta’ pajjiż li kien għadu kif sar Nazzjon Sovran u Indipendenti, fid-dinja tax-xogħol, fit-teknoloġija, f’dak li kien qed jiġri fid-dinja, speċjalment fil-Mediterran u fl-Ewropa.
Fr Peter investa enerġija kbira u saħħa fil-ħidma pastorali bħala qassis u fit-tiġdid u riformi tal-Knisja Kattolika f’Malta fejn kien imfittex mill-mexxejja tagħha u l-mexxejja tal-ordnijiet reliġjużi nisa u rġiel.

Fondazzjoni Peter Serracino Inglott
Fid-19 ta’ Jannar 2024 waqqafna il-Fondazzjoni Peter Serracino Inglott. L-iskop tagħha huwa li “żżomm ħajja l-memorja tal-Professur Dun Peter Serracino Inglott, li f’ħajtu ħadem bla heda favur il-ġid tal-poplu Malti u tal-umanità, billi tkun ispirata mit-tagħlim u l-ħidma tiegħu u billi tippromwovi u xxerred il-ħsibijiet u l-kitbiet tiegħu.”
Fr Peter ta kontribut ewlieni f’ħafna oqsma li kienu jinteressawh, inkluż ir-reliġjon, il-filosofija, il-kultura, l-edukazzjoni, il-ġid u l-wirt komuni tal-bniedem, id-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, il-paċi u l-ġustizzja fid-dinja, l-aktar fil-Mediterran, affarijiet marittimi, il-mezzi tal-komunikazzjoni, u x-xjenza politika, u dawn kollha b’riferenza partikolari għas-soċjetà Maltija.
F’dawn is-sentejn il-Fondazzjoni ġabret, u qed tkompli tiġbor, l-arkivji, memorabilia, kotba, kitbiet li jixħtu dawl fuq il-wirt kbir tiegħu. Fil-ħidma tagħna ninkoraġġixxu studji u riċerka fl-oqsma li kienu għal qalb Peter Serracino Inglott.
L-attività fl-okkażjoni tal-14-il anniversarju minn mewtu, u fid-90 anniversarju minn twelidu, ser tkun MEMORIAL LECTURE li se tagħti Marisa Xuereb nhar it-Tlieta, 24 ta’ Marzu, fis-6.30 pm f’Dar il-Ħanin Samaritan, Santa Venera (wara l-iskola tal-Kulleġġ St Michael tal-Mużew), bit-titolu “IL-ĦIN SKARS IMMA L-VALURI BLA PREZZ – L-isfidi tal-ekonomija, is-Soċjetà u l-Kultura fis-Seklu 21”. Min hu interessat jista’ jibgħat email fuq: fondazzjonipsi@ gmail.com jew iċempel 79423301.
Min jixtieq isir Ħabib ta’ Fr Peter, fergħa tal-Fondazzjoni, jista’ wkoll jikkomunika permezz ta’ dawn il-kuntatti.

“Ħallih jiddandan u jieħu gost fil-festa ta’ San Pawl
u ċelebrazzjonijiet ewlenin oħra. Iżda qatt ma ntrikeb
mit-tlellix tal-paramenti sagri, vestwarju, u l-birettini,
u lanqas ixxennaq għal xi titlu. Father kien, u father miet.”

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 20 ta’ Marzu, 2026.