Joe M. Zahra
Għawdex qatt ma kien għal qalb il-gvernijiet Laburisti. Fil-passat minn kollox għamlu biex iżommuh lura. Kellhom kunsill ċiviku li tgħidx kemm għamel ġid u Mintoff tajru. Miegħu tajjar diversi ħatriet importanti li kienu għal Għawdex biss. Ebda proġett ma seħħ fi żmienhom. Anzi kien hemm impjant tad-deżanalinazzjoni tal-ilma għalquh. Ħaddiema Għawdxin intbagħtu Malta jħaffru t-trinek taħt dixxiplina militari.
Proġetti ta’ gvernijiet Nazzjonalisti f’Għawdex
Kulma hemm f’Għawdex nafuh lill-Partit Nazzjonalista fil-gvern. Nieħdu l-Port tal-Imġarr. Dan inbena minn Gvern Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier fis-snin ta’ wara l-Indipendenza. L-istess jista’ jingħad għaż-żewġ terminals li hemm fuq kull naħa tal-gżejjer: fl-Imġarr Għawdex u ċ-Ċirkewwa Malta. Dawn huma iktar riċenti iżda xorta nbnew minn gvernijiet Nazzjonalisti. Meta tlestew dawn kienu żewġ portijiet mill-isbaħ, organizzati u miżmuma tajjeb. Illum hemm telqa li min ikun ilu ma jmur Għawdex jinnutaha.
Jekk inħarsu lejn il-vapuri li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer insibu li dawn inbnew minn Gvern Nazzjonalista. Tliet vapuri ġodda fjamanti li taw servizz mill-aqwa lil min jaqsam bejn Malta u Għawdex. Il-Gvern Laburista żied magħhom il-vapur qadim Grieg Nikolaos, karrakka li diġà switilna l-miljuni f’kirjiet.
Biex tasal għal dawn iż-żewġ terminals inbnew toroq moderni bħala parti mill-proġett tan-netwerk TEN-T tal-Unjoni Ewropea. Proġett li taħtu Gvern Nazzjonalista bena t-triq kollha li minn Kalafrana twassal għaċ-Ċirkewwa li mbagħad tkompli minn tarf sa tarf ta’ Għawdex. It-toroq f’Għawdex illum huma fi stat tal-biki. U fl-istess waqt dawn it-toroq m’għadhomx biżżejjed biex ilaħħqu mat-traffiku! Traffiku li jiġġammja daqs kemm jiġġammja f’Malta.
Id-diżastru li hemm Għawdex hu kollu r-riżultat ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni fl-aħħar tlettax-il sena. Riżultat ta’ influss qawwi ta’ ħaddiema barranin, li fuqha l-Gvern Laburista bena l-ekonomija ta’ pajjiżna. Kif ukoll żieda fit-turiżmu tal-massa fejn f’Jannar li għadda biss iżjed minn 80 fil-mija tat-turisti li żaruna kienu f’din il-kategorija. U mill-ħafna Għawdxin li biex jinqdew għal ċerti servizzi jkollhom jinżlu Malta.
F’10 snin, bejn l-2014 u l-2024, kien hemm żieda ta’ 71 fil-mija ta’ viżitaturi li qattgħu lejl f’Għawdex, 135 fil-mija żieda ta’ dawk li qasmu biex qattgħu ġurnata f’Għawdex. Ma’ dan kollu kien hemm ukoll żieda ta’ 27 fil-mija fil-popolazzjoni.
Lista twila ta’ proġetti
Biex tlaħħaq ma’ dawn iż-żidiet kollha fin-nies trid l-ewwel ittejjeb l-infrastruttura. Din mhux talli ma ttejbitx iżda marret lura. Ma setax ikun mod ieħor jekk in-nefqa fuq proġetti kapitali f’Għawdex hi waħda baxxa ħafna! Fil-każ tal-Port tal-Imġarr dan irid jikber. Jew parti mis-servizzi kollha li qed joffri jmorru f’port ieħor li jrid jinbena mill-qiegħ. Għaliex il-port tal-Imġarr ma jistax jibqa’ jlaħħaq ma’ kollox. Min-naħa l-oħra jrid ikun hemm iktar vapuri. Irid jinbena, jew jinxtara vapur li jieħu post in-Nikolaus. Irid ikun hemm vapur li jgħabbi biss merkanzija. Dan kollu jirrikjedi investiment qawwi. Investiment ta’ mijiet tal-miljuni. Jirrikjedi wkoll li l-Port taċ-Ċirkewwa wkoll jitkabbar biex ilaħħaq maż-żieda qawwija fil-passiġġieri u l-vetturi.
Meta l-gvernijiet Nazzjonalisti bnew il-portijiet taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr, meta bnew it-tliet vapuri kellhom quddiemhom xenarji differenti minn dawk li hemm illum. Xenarji fejn kollox kien iktar minn biżżejjed għall-ħafna snin oħra u kien jagħti biżżejjed nifs biex kollox jiżviluppa mal-progress li jkun qed isir fid-diversi setturi. Iżda mhux bl-iżvilupp bl-addoċċ li segwa fl-aħħar erbatax-il sena. Fejn l-ekonomija nbniet fuq il-kwantità u mhux fuq il-kwalità.
Il-Gvern Laburista wiegħed fuq li wiegħed lill-Għawdxin. Wegħidhom triq fil-baħar jew taħt il-baħar. Biex juri li kien qed jagħmel l-affarijiet bis-serjetà ġab esperti minn barra, għamlu rapporti fuq rapporti u ma sar xejn. Rapporti li swew il-miljuni. L-istess wiegħed sptar ġenerali ġdid għaliex li hemm, li nbena minn Gvern Nazzjonalista fl-aħħar snin tiegħu fil-gvern wara l-kisba tal-Indipendenza, illum hu żgħir għax iż-żieda fil-popolazzjoni hi ferm ikbar milli kien ippjanat. Illum hemm servizzi li jingħataw minn containers! Anki hawn wegħdi spiss u wegħdi biss. Mhux talli hekk, l-isptar ġenerali t’Għawdex għal żmien kien spiċċa f’idejn il-barranin li kellhom jimmodernizzawh iżda li m’għamlu xejn ħlief ħadulna flusna. Biċċa negozju li l-Qrati ddikjaraw bħal frawdolenti.
Sadattant il-popolazzjoni ta’ Għawdex baqgħet tikber. Is-settur tat-turiżmu tal-massa baqa’ jikber. L-Għawdxin spiċċaw iktar issikkati f’pajjiżhom. Spiċċaw b’infrastruttura li ma baqgħetx tlaħħaq mal-ħtiġiet tagħhom.
Minkejja li minn Għawdex hemm tliet ministri, Għawdex flok ’il quddiem mar lura. U issa l-ebda wegħda mill-Gvern Laburista ma tista’ tittieħed bis-serjetà. Ma tiġi emmnuta, għaliex l-Għawdxin draw bil-wegħdi kull elezzjoni mil-Laburisti, tgħaddi l-elezzjoni u ma jsir xejn. L-Għawdxin jixirqilhom Gvern li jaf il-problemi tagħhom u lest li jsolvihom. U liema gvern jista’ jagħmel dan kollu jekk mhux Gvern Nazzjomalista ġdid immexxi minn Alex Borg li żgur jaf bil-problemi li jolqtu lill-gżira Għawdxija!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 20 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

