Ekonomija Lokali

Robert Abela jkompli jżid id-dejn, u l-poplu jibqa’ jħallas l-imgħax – PN

Statistika tal-NSO turi li d-dejn fi Frar 2026 kompla jiżdied

Bħalma sar normali taħt il-Gvern immexxi minn Robert Abela, anke fi Frar 2026, kif ġara fl-ewwel xahar tas-sena l-ġdida, id-dejn ta’ pajjiżna kompla jiżdied.

Konferma li xahar wara l-ieħor id-dejn li bih il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela qed jgħabbi l-pajjiż qed ikompli jiżdied u jilħaq rekords ġodda toħroġ mill-aħħar ċifri dwar il-finanzi tal-gvern ippubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għal Frar. Din l-istatistika turi li d-dejn issa laħaq il-livell ta’ €11,445 miljun. 

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia ntqal li din iċ-ċifra ta’ aktar minn 11-il biljun ewro f’dejn fl-aħħar tax-xahar li għadda hija ekwivalenti għal aktar minn €28,200 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi u tfisser li d-dejn żdied b’€509 miljun fuq l-istess xahar fl-2025.

Malta tinsab fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li daħħalna fiha l-Gvern Laburista f’Lulju tas-sena 2024. Dan minkejja li f’April li għadda, il-Ministru tal-Finanzi kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura kmieni.

Il-livell qawwi ta’ dejn li għabba lill-poplu bih Robert Abela jfisser li kemm ilu li sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.

Bil-politika ta’ Gvern Laburista, id-dejn se jkompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun kif ħabbar il-Ministru għall-Finanzi stess fl-aħħar budget. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa tliet snin oħra, se jkun ittrippla d-dejn.

Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Fl-aħħar ta’ Frar dan kien jammonta għal €51.3 miljun. Skont il-previżjoni tal-Gvern fil-Budget 2026, din is-sena hu proġettat li l-poplu Malti jħallas bejn €340 u €350 miljun f’imgħax fuq id-dejn pubbliku, li jfisser fejn wieħed u ieħor miljun ewro kuljum f’imgħaxijiet biss.

Il-Gvern qed ikompli jżid id-dejn minkejja li llum kulħadd qed jirrikonoxxi li xorta mhu qed isir xejn biex jiġu indirizzati l-akbar problemi tal-pajjiż, fosthom l-għoli tal-ħajja li kompliet tiżdied, problemi fil-qasam tal-infrastruttura, konġestjoni tat-traffiku ma taqta’ xejn, tniġġis fl-ibħra tagħna u kjuwijiet dejjem jitwalu fl-isptarijiet.

U waqt li d-dejn ta’ pajiżna jkompli jiżdied bla kontroll, u l-imgħax fuq id-dejn ikompli tiela’, il-Ministri u sħabhom viċin il-Gvern tal-Labour ikomplu jitħanżru, l-infiq bl-addoċċ ikompli għaddej, waqt li jkomplu ħerġin dejjem aktar skandli li huma xhieda ta’ Gvern li għeja, u li tilef kull kontroll fuq ir-riedni tal-pajjiż.