Lokali

Sar il-premier tal-film Żejtune f’Malta

Wara d-debutt internazzjonali tiegħu aktar kmieni din is-sena, Żejtune, il-film Malti tad-direttur Alex Camilleri, iċċelebra l-premiere tiegħu f’Malta l-Erbgħa filgħaxija fl-Eden Cinemas f’San Ġiljan, u mmarka mument importanti fil-vjaġġ tal-film qabel ma joħroġ fis-swali taċ-ċinema madwar il-pajjiz.

Il-premiere ġab flimkien il-kast u l-ekwipaġġ tal-film, flimkien ma’ finanzjaturi lokali, professjonisti tal-industrija u għadd ta’ mistiedna, għal wirja speċjali tal-film. Sa mill-premiere dinji tiegħu fil-Festival tal-Films ta’ Göteborg u interess qawwi fis-Suq Ewropew tal-Films matul il-Festival Internazzjonali tal-Films ta’ Berlin, Żejtune diġà assigura d-distribuzzjoni f’erbatax-il pajjiż madwar l-Ewropa u lil hinn.

Fl-isfond ta’ Malta kontemporanja, Żejtune jirrakkonta l-istorja ta’ Mar, interpretata minn Michela Farrugia, mara żagħżugħa lesta tħalli warajha l-gżira żgħira ta’ Malta. Il-mewt ta’ ommha, li ma kellix wisq rapport magħha, toffrilha opportunità permezz tal-wirt ta’ tliet biċċiet art li beħsiebha tbigħ. Hekk kif tibda vjaġġ biex titlob il-wirt, Mar tiltaqa’ ma’ Nenu, interpretat minn Nenu Borg (kantantveteran tal-għana li qed jagħmel id-debutt tiegħu fun l-iskrin fl-età ta’ 82 sena), li l-mużika folkloristika vibranti tiegħu tiġbidha lejn it-tradizzjonijiet ikkuluriti ta’ gżira li hi tant trid taħrab minnhom.

Il-film fih numru ta’ atturi diversi, inkluż il-kantant-kittieb tal-kanzunetti Michael Azzopardi fid-debutt tiegħu fuq l-iskrin bħala Anġlu, u l-attriċi veterana Frida Cauchi bħala Annette, iz-zija ta’ Mar. Il-premier sar b’appoġġ għall-organizzazzjoni mhux governattiva Din l-Art Ħelwa, li x-xogħol tagħha fis-salvagwardja tal-wirt u l-ambjent ta’ Malta jirresona mill-qrib mat-temi tal-film.

Il-film huwa prodott minn Oliver Mallia ta’ Pellikola, Ramin Bahrani ta’ Noruz Films u Alex Camilleri ta’ Solari Productions, bil-ko-produtturi Fred Burle u Sol Bondy ta’ One Two Films,flimkien ma’ Rebecca Anastasi. Il-produzzjoni saret f’ko-produzzjoni ma’ ZDF Das kleine Fernsehspiel u b’assoċjazzjoni ma’ arte, Films Boutique u Nizza Films.

Wara l-premier f’Malta L-udjenzi se jkollhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu mal-produtturi tal-films u jieħdu sehem f’diskussjonijiet wara l-wiri f’żewġ wirjiet speċjali ta’ Q&A: fiċ-Citadel Cinemas f’Għawdex nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu 2026, u fl-Embassy Cinemas fil-Belt Valletta nhar it-Tnejn 6 ta’ April 2026..

Żejtune se joħroġ fiċ-ċinemas madwar Malta u Għawdex fit-8 ta’ April 2026, u se jintwera fl-Eden Cinemas, fl-Embassy Cinemas u fi Spazju Kreattiv f’Malta, u fiċ-Citadel Cinemas f’Għawdex.

Il-film ġie prodott bl-appoġġ tal-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta, il-Kunsill Malti għall-Arti, id-Doha Film Institute, u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.