Futbol Sport

Skont il-media Awstraljana issa hija uffiċjali; Dylan Scicluna se jilgħab għall-Awstralja u tintemm il-ħolma ta’ Malta

Dylan Scicluna għażel il-futur tiegħu, u mhux se jkun qed jillgħab għal Malta iżda għall-Awstralja, b'ċans li jkun mgħajjat fit-tim nazzjonali għat-Tazza tad-Dinja.
Dylan Scicluna għażel il-futur tiegħu, u mhux se jkun qed jillgħab għal Malta iżda għall-Awstralja, b'ċans li jkun mgħajjat fit-tim nazzjonali għat-Tazza tad-Dinja.

Lilhinn miż-żewġ partiti importanti kontra l-Lussemburgu, l-aħbar issa hija uffiċjali. Dylan Scicluna talab biex jaqleb l-assoċjazzjoni, u minn plejer li sal-lum jista’ jilgħab għal Malta, isir plejer li minflok se jkun jista’ jilgħab biss għall-Awstralja.

Rapporti fil-media internazzjonali jindikaw li l-midfielder difensiv ta’ 21 sena, li hu meqjus bħala wieħed mill-istilel tal-futur, mhux biss fl-Awstralja iżda anke fid-dinja fost il-plejers tal-età tiegħu, talab uffiċjalment biex ma jibqax marbut mal-MFA u jingħata d-dritt, li jaqleb l-allejanza biex jilgħab mal-Awstralja.

Jekk din qed titqis bħala aħbar sabiħa għall-Awstraljani, għal Malta hija bil-kontra u magħha jġib rabja u diżappunt għaliex Scicluna, li diġa’ lagħab mat-timijiet nazzjonali Maltin ta’ taħt id-19 u l-21 sena, kien pass ‘il bogħod milli jilgħab l-ewwel partita internazzjonali mat-tim tal-kbar ta’ Malta, f’Novembru tal-2024. Dak in-nhar hu kien imsejjaħ mill-caretaker kowċ, Davide Mazzotta u Scicluna kien aċċetta. Hu kien mistenni li jilgħab għall-ewwel darba mat-tim ‘A’ ta’ Malta, li f’dak il-każ kien ikun ifisser li jkun intrabat għall-kumplament tal-karriera tiegħu mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżna iżda ma kellux ikun il-każ għaliex ftit jiem qabel, Scicluna weġġa’ u kellu jitneħħa mill-iskwadra Maltija. Kieku dak in-nhar lagħab kienet tkun storja oħra.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, Scicluna fl-A-League Awstraljan, beda’ jispikka tant li rebaħ postu regolari mal-klabb tiegħu ta’ Western Sydney Wanderers. Dan l-istaġun, Scicluna qed ikun protagonista fil-Kampjonat, tant li għadu kemm rebaħ il-plejer tax-xahar u s-sorsi ta’ Net News fl-Awstralja, speċjalment dawk li huma Maltin li jgħixu hemm, tkelmu magħna u qaluna kif il-kowċ nazzjonali tal-Awstralja, Tony Popovic ilu għal dawn l-aħħar xhur jiġri wara Scicluna, possibilment idendillu l-karrotta li jekk jaqleb mal-Awstralja ikun jista’ isejaħlu fl-iskwadra finali għat-Tazza tad-Dinja ta’ dan is-sajf.

L-Awstralja għamlu l-istess mal-goalkeeper Joe Gauci, li hu Malti-Awstraljan, u li l-MFA tant kienet interessata fiħ, iżda malli l-Awstralja intebħu b’dan l-interess, raw kif għamlu biex Gauci jkun imsejjaħ mat-tim nazzjonali Awstraljan sabiex b’hekk ma jkun jista’ jilgħab qatt ma’ Malta.

Hekk għamlu u fl-aħħar call-ups, inkuż dik ta’ din il-ġimgħa bi preparazzjoni għat-Tazza tad-Dinja ta’ ftit tax-xhur oħra, Gauci tħalla barra minn Popovic.

L-istess sorsi kredibbli, u li jsegwu t-tim nazzjonali Awstraljan, qalulna li ma jeskludux li l-intenzjoni ta’ Popovic ma’ Scicluna hi l-istess; jilgħabu l-ewwel logħba internazzjonali mal-Awstralja mat-tim tal-kbar, biex b’hekk ma jkunx jista’ jdur lura u jilgħab għal Malta. U hekk se jiġri għaliex skont dak li qed ikun irrapurtat mil-media Awstraljana, Scicluna hu fil-proċess li jaqleb l-allejanza tiegħu u jkun jista’ jissejjaħ minn Popovic għal mal-Awstralja.

Hu mifhum li anke għal din it-tieqa internazzjonali, Emilio De Leo kien ikun interessat li jinkludi lil Scicluna fl-iskwadra Maltija iżda la darba l-plejer ta’ Western Sydney Wanderers wera l-intenezzjoni u x-xewqa tiegħu li jilgħab għall-Awstralja, sintendi għaliex għandu ċans tad-deheb li ma’ Malta mhux se jkollu, dik li jilgħab fit-Tazza tad-Dinja, il-Malti Awstraljan inġibed aktar lejn is-sejħa ta’ Popovic u Malta se nkunu tlifna talent kbir li kien kważi lest biex jagħmel id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali tal-kbar ta’ Malta, kieku Scicluna ma kellux jirtira mit-tim minħabba injury.

Dik hija l-isfortuna ta’ Malta, li se nkunu tlifna Malti, li jgħix fl-Awstralja, lagħab mat-timijiet nazzjonali Maltin ta’ taħt id-19 u l-21 sena u issa se jsir plejer internazzjonali tal-Awstralja.

Każ sfortunat, li bħalu qed ikun hemm kontinwament fl-aħbarijiet ta’ plejers li minħabba d-dixxindenza tagħhom ikollhom għażla x’jagħmlu; ma’ liema pajjiż se jilgħabu.

Nittamaw biss li Popovic ma jidħqax b’Scicluna.