Lokali

Voluntas Domini – Ir-Rieda tal-Missier – 28 ta’ Marzu fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Gejtanu

Għal darba oħra Kunsill Lokali Ħamrun se jkun qed intella dramm tal-passjoni fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu. Matul dawn l-aħħar 11-il sena dan id-dramm
sar popolari sew mad-ditellanti kemm tal-Ġimgħa Mqaddsa u kemm tat-teatru, għaliex dan bla
dubju joffri esperjenza unika fuq palk li hu għal daqstant uniku.


Il-produzzjoni ta’ din is-sena għandha l-isem ta’ Voluntas Domini u se tittella’ nhar is-Sibt 28 ta’
Marzu, fit-8.30pm. Din il-produzzjoni, miktuba u diretta minn Tanya Agius Borg, se tgħaqqad
elementi klassiċi tat-teatru tal-Passjoni ma’ approċċ narrattiv aktar uman u psikoloġiku, fejn ilpersonaġġi jitħallew jitkellmu, jiddubitaw, jistennew u jġorru piżijiet li l-udjenza tista’ tagħraf
fihom lilha nnifisha.


Matul il-produzzjoni, il-pubbliku se jiltaqa’ ma’ xeni klassiċi bħad-Diskors tal-Muntanja, l-aħħar
ċena, il-Ġetsemani, il-proċess quddiem is-Sinedriju u Pilatu, il-Kalvarju u l-Qawmien, iżda dawn
huma ppreżentati f’lingwa teatrali li tagħti spazju lill-esperjenza emozzjonali tal-mument u
mhux biss lill-ġrajja. Element distintiv tal-produzzjoni huwa l-mod parallelu li se naraw fil-vjaġġ
interjuri ta’ Ġuda u r-relazzjoni tiegħu ma’ oħtu. Dan il-vjaġġ se jkun qed iħares lejn it-tfulija, lwegħdiet, s-solitudni, r-responsabilità bikrija u l-piż tal-għażliet, u għalhekk dawn il-waqtiet se
jistiednu lill-udjenza tifhem, aktar milli tiġġudika.


Il-fatt li dan id-dramm isir fl-spazju miftuħ taz-zuntier jikkontribwixxi biex il-pubbliku jsir parti u
mhux biss spettatur. Id-dawl, il-viżwal u l-moviment fuq il-palk jaħdmu flimkien biex joħolqu
atmosfera li timxi minn tensjoni għal silenzju, u minn silenzju għal tama.


Bħal kull sena se jkunu qed jieħdu sehem f’dan id-dramm atturi stabiliti u kif ukoll ġoddha, fost
dawn insibu lil Klinsmann Spiteri, Rita Camilleri, Marie-Clare Sammut, Nathan Vella, Damian
Aquilina, Henry Zammit Cordina, Samuel Mercieca, Claudia Azzoppardi, Shawn Ciantar,
Francine Borg, Mariah Mercieca, Julian Busuttil, Hilary Desira, Gilbert Scerri, Manuel
Baldacchino, Anthony Cini u wara tlettax-il sena se jerġa jkun qed jinterpreta l-parti ta’ Ġesu’
b’mod tradizzjonali l-attur Carlos Farrugia.


Voluntas Domini – ir-Rieda tal-Missier, se jittella’ nhar is-Sibt 28 ta’ Marzu, fuq iz-zuntier talKnisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu l-Ħamrun, fit-8.30pm. Produzzjoni ta’ Kunsill
Lokali Ħamrun bl-għajuna ta’ SEVEN8 Creative Troupe. Għal aktar informazzjoni wieħed jista
jċempel fl-uffiċini ta’ Kunsill Lokali Ħamrun fuq 2122 2020.