Lokali

Wirja dwar il-Planċier tal-Banda Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien

Fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-inawgurazzjoni tal-planċier tal-Banda Marija Annunzjata, ser tkun qed tittella’ wirja fis-Sala tal-Każin tal-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata. L-esebizzjoni se tibqa’ miftuħa tul tmiem din il-ġimgħa sa nhar il-25 ta’ Marzu, jum il-festa liturġika ta’ Marija Annunzjata.

F’din il-wirja ser jintwerew diversi elementi mill-planċier, fosthom: partijiet u dettalji li normalment ma tantx jitgawdew fil-jiem tal-festa, l-abbozz oriġinali, tagħrif dwar l-istorja u l-proċess ta’ kif inħadem, għodda użata fl-iskultura tal-injam kif ukoll filmati, ritratti u tifkiriet relatati mal-inawgurazzjoni li saret fl-20 ta’ Mejju tal-2001 mill-E.T il-Prof. Guido de Marco, President ta’ Malta.

Dan il-proġett qed isir bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-iskema Wirt Artistiku, taħt l-isem Planċier 25: Legat ta’ Mużika u Arti għall-Komunità.

Il-planċier tal-Banda Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien huwa meqjus fost l-isbaħ fil-gżejjer Maltin. Id-disinn, l-iskultura u l-irħamar huma xogħol tal-mibki skultur Tarxiniż Renzo Gauci. Bil-ħidma tal-Kumitat Planċier, imwaqqaf fl-1994, illum nistgħu napprezzaw din il-vetrina ħajja tas-snajja’ u l-artiġġjanat Malti—karpenterija, skultura, mudellar, bronż fondut, irħamar, induratura u ferro battuto. Dawn l-elementi flimkien joħolqu armonija unika li jagħtu lil dan il-planċier il-karattru distint tiegħu.

Id-dħul għal din il-wirja huwa mingħajr ħlas u se tinfetaħ nhar is-Sibt 21 ta’ Marzu fis-7:30pm. Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu:

  • Is-Sibt 21 ta’ Marzu: 7:30pm-9:00pm
  • Il-Ħadd 22 ta’ Marzu: 10:00am–12:00pm u 6:00pm–8:30pm
  • It-Tnejn 23 u t-Tlieta 24 ta’ Marzu: 6:30pm–8:30pm
  • L-Erbgħa 25 ta’ Marzu (Festa Liturġika ta’ Marija Annunzjata): 10:00am–12:00pm u 6:00pm sa tard filgħaxija.

Fil-jum tal-Festa Liturġika ta’ Marija Annunzjata nhar l-Erbgħa 25 ta’ Marzu, il-Banda Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien ser tagħmel il-marċ mat-toroq prinċipali ta’ Ħal Tarxien li jibda kif tispiċċa l-funzjoni għall-ħabta tat-8pm minn quddiem il-knisja u jispiċċa quddiem il-Każin tal-Banda.