Lokali

50 sena jservi lill-komunità bħala s-sagristan tal-Parroċċa tal-Mellieħa

50 sena ilu fl-1976 – Christopher Bartolo beda jaqdi d-dmir tiegħu bħala sagristan tal-Parroċċa tal-Mellieħa – servizz li tul is-snin sar parti essenzjali minn ħajtu u mill-komunità Melliħija.

Bartolo kien iħaddan fih il-fidi ta’ Kristu sa minn ċkunitu bix-xewqa li jsir sagristan tnisslet fih grazzi għall-eżempju ta’ missieru, Lippu Bartolo, li kien jaqdi l-istess rwol bejn l-1970 u l-1976. Minn età żgħira, Christopher kien jakkumpanja lil missieru fil-knisja, fejn flimkien kienu jħejju u jżejnu knisja għall-festi kbar tal-Milied, tal-Għid u tal-Vitorja.

Net News żar il-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa u ltaqa’ ma’ Christopher Bartolo fejn spjegalna x-xogħol li jagħmel bħala s-sagristan tal-Komunita.

Huwa qalilna li l-ġurnata tiegħu tibda minn kmieni, meta jmur jiftaħ il-knisja u jdoqq il-Paternoster fis-6:00 ta’ filgħodu.

Wara, jidħol fis-sagristija u jibda jħejji għall-quddies, billi jipprepara l-lapidi sagri. Matul il-jum jieħu ħsieb ukoll tindif u xogħol ieħor li jkun hemm bżonn, kif ukoll id-daqq tal-qniepen f’nofsinhar. Filgħaxija jerġa’ jmur il-knisja biex jiftaħ u jħejji kollox għall-quddies

Bartolo qalilna li fl-1976, il-ħajja fil-Mellieħa kienet differenti ħafna. Il-komunità kienet aktar magħquda u l-quddies kienet issir kmieni ħafna, fit-3:30am il-Ħadd u 4:30am matul il-ġimgħa.

Il-knisja kienet tkun dejjem mimlija, u wara l-quddiesa n-nies kienu jerħula lejn il-pjazza sabiex jieħdu l-kafè taċ-ċikwejra mil-ħwienet żgħar li kien ikum hemm.

Christopher Bartolo qalilna wkoll li huwa rari ħafna li persuna ddum għal snin twal tokkupa l-irwol ta’ sagristan. U żied jgħid li r-raġuni ewlenija għaliex hu baqa’ għal daqstant żmien hija minħabba l-apprezzament u s-sostenn li dejjem irċieva mill-komunità Mellieħija

Apparti minn hekk, Is-Sagristan qalilna li hija l-għaxqa tiegħu li jkun preżenti waqt l-isbaħ ċerimonji tal-ħajja bħal m’huma l-magħmudija, l-ewwel tqarbina u t-tiġijiet.

Christopher Bartolo ser ikun qed jiċċelebra l-50 sena anniversarju minn meta sar Sagristan permezz ta’ quddiesa li se ssir fit-2 ta’ Mejju u li se tkun ikkonċelebrata mill-Arċipriet, eks kappillani u saċerdoti li ħadmu u għadhom jaħdmu fil-Parroċċa tal-Mellieħa sallum il-ġurnata.