5 snin ta’ kollezzjoni privata minn żgħażugħ ta’ 22 sena – li issa, tista’ titgawda mill-pubbliku Malti u anke t-turisti kollha li jżuru pajjiżna.
Il-Crown Heritage Museum twieled minn interess fl-istorja ta’ pajjiżna partikolarment is-snin li Malta għamlet bħala Kolonja Ingliża. U kien propju żgħażugħ ta’ 22 sena, Jerome Farrugia, illi għażel li jaqsam il-kollezzjoni privata tiegħu f’mużew fiż-Żurrieq.
Net News tkellem ma’ Jerome li l-Ġimgħa filgħodu fetaħ dan il-post uniku għall-ewwel darba u li spjegalna kif l-interess ilu hemm minn mindu kien żgħir ħafna.
Fil-fatt, Jerome spjegalna illi issa għażel li jaqsam din il-kollezzjoni storika mal-poplu Malti u Għawdxi minħabba l-istorja rikka ta’ pajjiżna u r-relazzjoni b’saħħitha bejn ir-Renju Unit u Malta.
Preżenti għall-ftuħ ta’ dan il-mużew kien hemm il-Kummissarju Għoli għar-Renju Unit Victoria Busby li spjegat lil din il-kamra tal-aħbarijiet li l-istorja bejn iż-żewġ pajjiżi hija waħda importanti.

Intant, dan il-mużew jiġbor fih kollezzjoni kbira ta’ kotba, mugs, tazzi, u saħanistra scarf u pultruna żgħira li ntużat fil-koronazzjoni tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni.
Dan il-post se jkun miftuħ sabiex kemm studenti u anke riċerkaturi jmorru u jiġbru l-informazzjoni kollha li għandhom bżonn dwar l-istorja bejn Malta u r-Renju Unit.
//= $special ?>

