Colin Schembri
Luxol……………52
Starlites………43
(10-13)(15-9)(14-13)(13-8)
Fl-ewwel finali tal-kampjonat tan-nisa ta’ taħt it-23 sena, Luxol ħarġu rebbieħa 52-43 kontra Starlites f’finali bilanċjata u kompetittiva fejn id-differenza nħolqot prinċipalment fit-tieni nofs tal-logħba. Minkejja li Starlites kellhom aktar punti minn offensive rebounds (13 kontra xejn), Luxol irrispondew b’aktar punti minn fast breaks (17 kontra 2) u kontribuzzjoni importanti mill-bank (26 punt kontra xejn), fatturi li rriżultaw deċiżivi. Il-logħba baqgħet miftuħa għal tul ta’ ħin twil b’diversi bidliet fil-vantaġġ, iżda Luxol kellhom aktar kontroll fl-aħħar minuti u laħqu vantaġġ massimu ta’ 11-il punt.
Sarah Fenech Pace kienet protagonista għal Luxol b’17-il punt u preżenza importanti matul il-logħba kollha, filwaqt li Eve Axisa tat impatt qawwi speċjalment fl-aħħar sessjoni bi trippli kruċjali. Vanya Baldacchino wkoll kellha mumenti tajbin, waqt li għal Starlites spikkat Philippa Riolo b’22 punt u diversi azzjonijiet fit-tieni opportunità, flimkien ma’ Julija Dabic li kkontribwiet 10 punti.
Starlites bdew aħjar u fetħu vantaġġ kmieni permezz ta’ trippla ta’ Ylenia Ferrando u punti minn Riolo u Dabic biex marru 13-10 minn fuq fl-ewwel sessjoni. Luxol baqgħu qrib grazzi għal baskets minn Sarah Fenech Pace u Baldacchino, iżda l-ewwel taqsima ntemmet bi Starlites fuq quddiem.
Fit-tieni sessjoni Starlites komplew iżidu l-vantaġġ sa’ sitt punti 19-13, iżda Luxol wieġbu b’run tajba mmexxija minn Eve Axisa u Rebecca Fenech Pace. Trippla ta’ Axisa u punti konsekuttivi minn Baldacchino u R.Fenech Pace ġabu lil Luxol lura fil-logħba, u sa’ tmiem it-taqsima kienu diġà dawru r-riżultat għal 25-22.
It-tielet sessjoni kienet waħda bilanċjata ħafna fejn Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ għal mument wara sensiela ta’ punti minn Riolo, iżda Luxol wieġbu immedjatament b’run oħra. Sarah Fenech Pace kienet determinanti f’din il-fażi b’punti konsekuttivi minn fast breaks flimkien ma’ Baldacchino, biex Luxol reġgħu marru fuq quddiem u għalqu s-sessjoni 39-35 minn fuq.
Fl-aħħar sessjoni Luxol kabbru d-distakk gradwalment. Eve Axisa kienet deċiżiva bi tliet trippli importanti li qatgħu kull tentattiv ta’ rimonta minn Starlites, filwaqt li Sarah Fenech Pace kompliet iżżid mill-viċin u mill-free throws. Minkejja li Riolo baqgħet twieġeb għal Starlites, Luxol żammew kontroll tal-logħba u assiguraw ir-rebħa finali 52-43.
Luxol: G. Carabott, K. Magro, E. Axisa 14, L. Fenech Pace 2, H. Galea, R. Fenech Pace 7, A. Xuereb, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 17, V. Baldacchino 10, S. Sciberras 2.
Starlites: E. Jo Degiorgio, P. Riolo 22, C. Cilia, L. M. Zammit, Y. Ferrando 7, M. Fenech 4, M. Fabianowska, K. Gatt, B. Sciberras, A. Cassar Saguna, I. Micallef, J. Dabic 10.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Jacques Seifert, Wendell Lim
//= $special ?>

