Futbol Sport

Kampjonat St. James Hospital – Irġiel U/19: Luxol Bolt jerbħu l-kampjonat għat-tielet sena konsekuttiva

(Ritratt: Luxol Basketball Club)

Colin Schembri

Luxol Bolt……………85

Starlites………………53

(18-10)(19-24)(22-13)(26-6)

Luxol Bolt saru champions fil-kategorija ta’ taħt id-dsatax il-sena għat-tielet sena konsekuttiva wara li rebħu t-tieni partita tal-finali kontra Starlites Blue b’rebħa konvinċenti ta’ 85-53, f’partita li fiha ħadu kontroll assolut speċjalment fit-tieni nofs tal-logħba. Luxol iddominaw fiż-żona b’54 punt kontra 32 u kellhom ukoll vantaġġ ċar fil-fast breaks (33 kontra 15), filwaqt li sfruttaw aħjar il-fond tal-iskwadra tagħhom bi 20 punt mill-bank. Id-differenza kienet evidenti wkoll fil-ħin bil-vantaġġ, b’Luxol fuq quddiem għal kważi l-logħba kollha.

Stefano Marra kien mill-ġdid protagonista b’33 punt, filwaqt li Gregory Mizzi żied 18 u Cinar Cog kellu prestazzjoni dominanti b’16-il punt u 20 rebound. Għal Starlites spikka Kai Fabri b’24 punt, iżda ma kienx biżżejjed biex iżomm lit-tim tiegħu fil-logħba.

Luxol fetħu tajjeb u bdew jibnu vantaġġ kmieni permezz ta’ fast breaks effettivi minn Marra u Eric Fenech Pace, filwaqt li Cog beda jiddomina taħt il-basket. Run ta’ punti konsekuttivi fl-ewwel sessjoni wasslet lil Luxol biex jagħlquha 18-10 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Starlites irnexxielhom jirreaġixxu u jersqu viċin, saħansitra ħadu vantaġġ għal mument wara sensiela ta’ punti minn Kai Fabri u JJ Dimech. Madankollu Luxol wieġbu b’mod immedjat permezz ta’ Marra u trippla importanti ta’ Kyle Galea biex reġgħu marru fuq quddiem u daħlu fil-mistrieħ b’vantaġġ żgħir 37-34.

Fit-tielet sessjoni Luxol bidlu kompletament ir-ritmu tal-logħba. Gregory Mizzi kien determinanti b’diversi baskets konsekuttivi minn fast breaks, filwaqt li Cog u Marra komplew jikkontrollaw il-logħba taħt il-basket. Run ta’ 10-0 f’nofs din it-taqsima rat lil Luxol jiftħu vantaġġ b’figuri doppji u ħalliet lil Starlites jitħabtu biex iżommu mal-pass. Fl-aħħar sessjoni Luxol għafsu aktar u għalqu l-logħba b’mod dominanti. Marra kompla jżid minn kull pożizzjoni inkluż bi trippli importanti, filwaqt li Mizzi u Cog komplew jikkontribwixxu fil-paint. Luxol kabbru l-vantaġġ progressivament sa massimu ta’ 32 punt u assiguraw rebħa ċara li kkonfermat it-titlu tagħhom għat-tielet sena konsekuttiva. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew ta’ Champions lil captain ta’ Eric Fenech Pace.

Luxol Bolt: J. Gabriele, J. Gambin, C. Cog 16, M. Iloube 2, G. Mizzi 18, K. Galea 7, S. Marra 33, A. Ivanovski 2, E. Fenech Pace 7, N. Sammut.

Starlites Blue: M. Micallef, S. Pace 6, M. Xuereb, A. Vural, K. Fabri 24, M. Buttigieg Depiro 5, Z. Said Hollier 9, B. Fenech Adami, J. Dumford, G. Camilleri, F. Scala, JJ Dimech 9.

Referees: Miguel De Flavia, Leonardo Silvero, Rafael Masa