Futbol Sport

Liverpool ikkastigati minn doppjetta ta’ Welbeck u Chelsea megħluba wkoll barra minn darhom

(Ritratt: Brighton&Hove Albion)

It-tamiet ta’ Liverpool li jiksbu post fil-UEFA Champions League staġun ieħor sofrew daqqa ta’ ħarta meta sfaw megħluba 2-1 minn Brighton fl-Amex Stadium. Din kienet l-għaxar telfa tal-kampjonat għar-rebbieħa tal-istaġun li għadda, f’partita li fiha weġġa’ l-attakkant Hugo Ekitike.

Protagonist għal Brighton kien l-attakkant veteran Danny Welbeck li skorja żewġ gowls u żied it-total ta’ gowls personali f’dan il-kampjonat għal 12-il gowl. Il-plejer ta’ 35 sena fetaħ l-iskor wara 14-il minuta meta rċieva mingħand Diego Gomez u għeleb lil Giorgi Mamardashvili b’daqqa ta’ ras.

Liverpool irrispondew man-nofs siegħa logħob. Milos Kerkez antiċipa d-daqqa ta’ ras lura ta’ Lewis Dunk lejn il-gowlkiper u xeħet fix-xibka. Brighton tjiebu fit-tieni taqsima u skorjaw il-gowl li spiċċa rebbaħ it-tliet punti fis-56 minuta, b’passaġġ ta’ Jack Hinshelwood lejn Welbeck li kompla għal ġewwa.

Jekk Liverpool jinsabu inkwetati bit-telfa, daqstant ieħor huma Chelsea li sfaw megħluba fil-Hill Dickinson 3-0 minn Everton. L-attakkant Beto fetaħ l-iskor fit-33 minuta meta antiċipa l-ħarġa ta’ Robert Sanchez u xeħet fix-xibka.

L-istess plejer irdoppja fit-62 minuta b’xutt li għadda minn bejn saqajn Sanchez u qabeż il-linja qabel il-gowlkiper ta’ Chelsea biegħed il-periklu. Iliman Ndiaye għalaq il-logħba fis-76 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Fulham kisbu rebħa fi Craven Cottage kontra Burnley. Ironikament kienu l-Clarets li fetħu l-iskor mas-siegħa logħob minn Zian Flemming iżda Fulham wieġbu fis-67 minuta b’gowl ta’ Joshua King. Harry Wilson irdoppja fit-73 minuta u Raul Jimenez għalaq il-logħba b’penalty skorjat fil-95 minuta.

Fil-logħba ta’ filgħaxija, Leeds United u Brentford spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls. Dan il-punt hu aktar importanti għal Leeds hekk kif qed jissieltu kontra r-relegazzjoni.