Milan wieġbu għar-rebħa ta’ Napoli l-Ġimgħa filgħaxija u reġgħu telgħu fit-tieni post. Permezz ta’ dawn it-tliet punti, ir-Rossoneri poġġew il-pressjoni fuq Inter minħabba li d-distakk niżel għal ħames punti għalkemm Inter jilagħbu l-Ħadd filgħaxija.
Id-difensur STRAHINJA PAVLOVIC poġġa lil Milan fil-vantaġġ fis-37 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa li ħabat mal-mimduda qabel il-ballun daħal wara Alberto Paleari. Torino ġabu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt ta’ Nikola Vlasic, Mike Maignan salva parzjalment u l-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ GIOVANNI SIMEONE li xeħet fix-xibka.
Milan reġgħu marru minn fuq fl-54 minuta bi kross ta’ Christian Pulisic mil-lemin sab lil ADRIEN RABIOT li kompla għal ġewwa minn quddiem il-lasta. L-iskor sar 3-1 proprju żewġ minuti wara u din id-darba kien YOUSSOUF FOFANA li skorja b’xutt għar-rokna.
Torino daħlu fil-logħba fit-83 minuta meta ngħataw penalty wara konsultazzjoni mal-VAR għal dak li ġie ġġudikat bħala fawl ta’ Pavlovic fuq Simeone. Mill-11-il metru, NIKOLA VLASIC ma żbaljax b’xutt għar-rokna. Fl-aħħar minuti Torino pruvaw jevitaw it-telfa iżda d-difiża ta’ Milan żammet soda.
Juventus waqqgħu żewġ punti importanti fid-dwell biex jiksbu post fil-UEFA Champions League staġun ieħor bi draw fl-Allianz Stadium kontra Sassuolo. KENAN YILDIZ fetaħ l-iskor fl-14-il minuta wara li rċieva mingħand Francisco Conceicao.
Sassuolo ġabu d-draw fit-52 minuta permezz tal-attakkant ANDREA PINAMONTI. Juventus kellhom l-okkażjoni li jirbħu l-partita fis-87 minuta meta ngħataw penalty iżda x-xutt ta’ Manuel Locatelli ġie salvat minn Arijanet Muric.
Cremonese rritornaw għar-rebħ fis-Serie A wara 15-il logħba f’dik li kienet l-ewwel logħba tal-kowċ il-ġdid Marco Giampaolo wara li matul il-ġimgħa ħa post Davide Nicola. Dawn it-tliet punti kontra Parma jiswew mitqlu deheb għal Cremonese fid-dwell biex jevitaw ir-relegazzjoni.
YOUSSEF MALEH fetaħ l-iskor fl-54 minuta b’xutt mid-distanza u JARI VANDEPUTTE rdoppja fit-68 minuta wara li rċieva mingħand is-sostitut Jamie Vardy. Din kienet l-ewwel rebħa għal Cremonese mis-7 ta’ Diċembru.
//= $special ?>

