Internazzjonali

Trump qiegħed jikkunsidra li jmewwet il-gwerra mal-Iran

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li qed jikkunsidra li jmewwet il-gwerra mal-Iran, billi sostna li l-Istati Uniti tinsab “viċin ħafna” li tiħaq l-objettivi militari tagħhom.

F’kummenti riċenti, Trump enfasizza wkoll li l-Istrett ta’ Hormuz għandu jiġi protett minn pajjiżi oħrjn li jiddependu minnu għat-trasport tal-enerġija, u mhux mill-Istati Uniti, li skontu mhumiex fost l-aktar dipendenti fuq din ir-rotta.

Din id-dikjarazzjoni ġiet f’kuntest ta’ tensjoni li dejjem qegħda tikber fir-reġjun, hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu drastikament wara li l-Iran effettivament għalaq ir-rotta marittima kruċjali meta beda l-kunflitt ix-xahar li għadda.

Min-naħa tiegħu, il-mexxej suprem il-ġdid tal-Iran sostna li pajjiżu diġà attakka lill-għadu, u wera fiduċja fil-pożizzjoni militari tal-pajjiż.

Minkejja li Trump kien diġà indika fil-passat li l-gwerra kienet qrib it-tmiem, l-iżviluppi reċenti juru eskalazzjoni ulterjuri. Il-White House talbet din il-ġimgħa madwar $200 biljun addizzjonali biex tiffinanzja l-kunflitt, filwaqt li aktar truppi u bastimenti tal-gwerra qed jintbagħtu lejn ir-reġjun.

L-osservaturi internazzjonali qed jibqgħu kawti dwar l-andament tas-sitwazzjoni, hekk kif id-dikjarazzjonijiet politiċi jvarjaw u l-azzjonijiet militari jkomplu jiżdiedu.

Intant …. min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran, Abbas Araghchi, qal li pajjiżu lest jilqa’ kull inizjattiva li tista’ twassal għal tmiem il-gwerra.

F’intervista mal-midja Ġappuniża, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran spjega li l-Iran huwa lest li  jisma’ u jikkunsidra dawn il-proposti,” u indika li hemm tentattivi minn diversi pajjiżi biex jinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-Lvant Nofsani.

Madankollu, huwa esprima dubji dwar ir-rieda tal-Istati Uniti li tnaqqas it-tensjoni, u qal li “ma jidhirx li l-Istati Uniti huma lesti jwaqqfu l-aggressjoni tagħhom.”

Araghchi enfasizza wkoll li l-Iran mhux qed ifittex sempliċiment waqfien temporanju mill-ġlied, iżda tmiem sħiħ, u dejjiemi tal-gwerra.