Lokali

Fost għajjat isteriku jevita li jindirizza l-akbar kriżijiet

F’diskors ta’ ftit inqas minn nofsiegħa mimli għajjat isteriku f’Birżebbuġa, il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jiftaħar bl-ekonomija, bil-kwalità tal-ħajja u anke b’kisbiet enormi li għamel pajjiżna taħt Gvern Nazzjonalista.

Quddiem ftit għexieren ta’ partitarji, Robert Abela ftaħar bil-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna li – skont hu – hija fost l-aqwa meta tikkumpara mal-pajjiżi fiż-żona ewro konvenjentament mingħajr ma semma’ kif stħarriġ li għamlet il-MaltaToday wera kemm hu inkwetat il-poplu Malti u Għawdxi fuq l-aktar affarijiet bażiċi li jkollhom bżonn il-familji.

Filwaqt li anke, injora l-fatt li r-rata tal-għoli tal-ħajja fi Frar ta’ din is-sena kienet dik ta’ 2.3% li hija għolja ferm aktar mill-medja fiż-żona ewro li tinsab 1.9%.

Il-partitarji miġburin f’Birżebbuġa

Fid-diskors tiegħu, Abela ftaħar ukoll bil-kisbiet kbar li għamel pajjiżna fejn tidħol il-paċi internazzjonali. Hekk kif semma kif ftit ‘l barra mix-xatt ta’ Birżebbuġa, sar ftehim għal paċi storiku bejn l-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti. Iżda ma semmiex, kif kien propju Gvern Nazzjonalista mmexxi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami li kien katalist tat-tmiem tal-Gwerra Bierda. Ġrajja li hija mnaqqxa fl-istorja tad-Dinja.

Konvenjentament, waqt li qed jitkellem dwar il-paċi internazzjonali u s-sigurtà, ma semmiex it-tanker russu. It-tanker Arctic Metagaz li kien propju fiż-zona ta’ salvataġġ Maltija, u li l-Gvern ma offra l-ebda serħan il-moħħ dwaru. Dan bit-tama li t-tanker joħroġ miż-żona ta’ salvataġġ Maltija, kif fil-fatt ġara.

Madanakollu, Robert Abela injora wkoll il-kritika b’mod mill-aktar aħrax li qed jirċievi b’rabta mal-bidliet li qed iressaq sabiex jevita milli jippubblika l-assi tiegħu u tal-Kabinett tiegħu – kritika li saħanistra ġiet ukoll mill-backbenchers tiegħu.

U speċifikament, il-backbencher Laburista Katya DeGiovanni, li f’kitba fuq The Malta Independent ikkritikat dawn l-imsejjħa riformi, fejn saħanistra ddikjarat li “mingħajr kontabbiltà u trasparenza, il-poter jirriskja li jinqata’ mir-responsabbiltajiet li jkissru l-governanza u d-demokrazija”.

Intant, Robert Abela iddikjara li l-manifest elettorali tiegħu huwa lest, hekk kif qed jagħti x’jifhem illi se jkun qed isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija, minkejja li ilu jiċħad dan għal numru ta’ ġimgħat.