Lokali

Gvern Nazzjonalista se jsaħħaħ il-familji b’miżuri sodi bħaċ-Child Trust Fund

Il-Kap tal-PN Alex Borg intervistat minn Robert Cremona fiż-Żurrieq; jgħid li l-PN se jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji, se jwettaq miżuri li jagħtihom pedament sod

Gvern Nazzjonalista se jkun ta’ spalla soda għall-familji u għan-negozji.

Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista li saritlu mill-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Net News Robert Cremona dalgħodu fiż-Żurrieq.

Filwaqt li l-intervista messet ma’ diversi temi, il-qofol tal-messaġġ ta’ Alex Borg kien dwar kif Gvern Nazzjonalista se jagħti serħan il-moħħ lil dawk il-koppji u familji li llum qed isibuha diffiċli biex jimxu ‘l quddiem b’ħajja ta’ kwalità.

Huwa qal li permezz ta’ miżuri bħaċ-Child Trust Fund, Gvern Nazzjonalista se jagħti lill-koppji u l-familji pedament biex fuqu jibdew jibnu futur isbaħ għal uliedhom. Dan il-fond jissarraf f’€5,000 għal kull wild ġdid li jibda jwitti t-triq għal futur aktar fis-sod għal dak il-wild.

Il-Partit Nazzjonalista beħsiebu jsaħħaħ lill-familji anke permezz ta’ miżuri oħra u kien għalhekk li ssettja l-agenda Nazzjonali anke dwar il-possibiltà ta’ Four-day week.

Huwa tkellem ukoll dwar il-miżura li ħabbar il-ġimgħa li għaddiet u li tnaqqas ir-rata tal-VAT tar-ristoranti u l-istabbilimenti tal-ikel minn 18% għal 7%. Alex Borg qal li filwaqt li l-Ministru Clyde Caruana flok laqa’ din il-miżura spiċċa dawwar il-kanuni fuq is-sidien ta’ dawn l-istabbiliment billi implika li dawn huma ħallelin, il-Partit Nazzjonalista jemmen li din il-miżura mhux biss hija importanti għal madwar 3,000 familji li jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn dan il-qasam imma wkoll li dan hu settur importanti ferm għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Alex Borg qal li fl-ewwel 100 jum tiegħu, Gvern Nazzjonalista jimplimenta din il-miżura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u l-viżjoni tal-PN dwar dan. Alex Borg qal li dak li sar tajjeb fl-aħħar snin irridu nkomplu nibnu fuqu, madanakollu l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu ambizzjonijiet li joffru opportunitajiet kbar liż-żgħażagħ u wiegħed li mill-gvern se jkun qed iwettaq ħolma sabiħa f’realtà li tiftaħ il-bibien għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Mistoqsi dwar iż-żjara tiegħu fi Brussell ftit tal-jiem ilu, Alex Borg qal li hu jmur Brussell biex jaħdem favur l-interessi ta’ pajjiżna, u sostna li bħal ma għamel il-Gvern waqt il-laqgħat li kellu ma’ diversi mexxejja poġġa pressjoni biex l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha għal sigurtà fil-Mediterran. Hu qal ukoll li tkellem fit-tul mal-Kummissarju Ewropew ghat-Trasport u spjegalu l-pjan tal-Partit Nazzjonalista għal proġett tat-trasport tal-massa biex jiżgura li Malta jkollha s-sostenn tal-UE għal proġett li għandu l-għan itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna.

Huwa tkellem ukoll dwar kif Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela qiegħed kulma jmur ipoġġi lilu nnifsu ‘l fuq mill-kumplament tal-poplu u filwaqt li kull ħaddiem hu mistenni jiddikjara kull ċenteżmu li jaqla’, Robert Abela qed iwaqqaf kull farka ta’ trasparenza tiegħu u ta’ sħabu l-Ministri u saħansitra tas-sieħeb jew sieħba tagħhom minn kull skritinju tal-pubbliku. Din, qal Alex Borg, hija d-differenza bejn dan il-Gvern u Gvern immexxi minnu li minnufih jirrevedi din id-deċiżjoni biex il-poplu jkun jista’ jqiegħed taħt skrutinju lilu u lill-Ministri dwar dak kollu li jaqilgħu meta jkunu fil-Gvern.

Huwa u jitkellem fuq Għawdex Alex Borg qal li t-track record ta’ Gvern Laburista għal din il-gżira huwa ta’ ħafna wegħdi li baqgħu fl-arja. Kuntrarju għal dan, Gvern Nazzjonalista għandu track record mill-aqwa mal-Għawdxin li sal-lum għadhom igawdu minn investimenti qawwija li saru minn Gvernijiet Nazzjonalisti.

Mistoqsi jekk fid-dawl tal-messaġġi li qed jingħataw li elezzjoni tista’ tkun fil-qrib, il-Partit Nazzjonalista hux ippreparat, Alex Borg qal li l-PN jinsab lest għal meta Robert Abela jiddeċiedi li jsaffar is-suffara. Hu qal li dak li qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista lest li jwettqu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qisu sebaħ f’paniku f’daqqa waħda u dak kollu li wiegħed fl-aħħar 13-il sena issa qed jipprova jwettqu jew jerġa’ jwiegħed li se jwettqu. Alex Borg qajjem il-mistoqsija dwar il-kredibbiltà tal-Gvern ta’ Abela fejn jidħlu ambjent, saħħa, traffiku u oqsma oħra li l-Gvern abbanduna u li llum qed jerġa’ taparsi jifrakar fihom.

Wasal iż-żmien biex nagħżlu bħala nazzjon: jew nibqgħu kif aħna, jew nagħmlu pass ‘il quddiem, temm jgħid Alex Borg filwaqt li qal li kull wieħed u waħda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jrid ixammar il-kmiem biex inħabbtu fuq kull bieb, biex nisimgħu u nagħtu kelma li Gvern Nazzjonalista se jkun hemm għalihom bil-fatti u mhux bil-kliem fieragħ.

Fil-bidu ta’ din l-intervista Alex Borg feraħ lil Jasmine, ir-rebbieħa ta’ Mużika Mużika u lill-parteċipanti kollha. Huwa faħħar lill-artisti Maltin li tant huma mogħnija b’talent u wiegħed li se jibqa’ jagħtihom l-appoġġ sħiħ tiegħu.

L-attività infetħet u ingħalqet minn Charmaine Parnis.