Il-kantanta Jasmine rebħet il-fesitval Mużika Mużika bil-kanzunetta ‘Nistaqsi’. It-tema tal-kanzunetta ta’ Jasmine tiffoka dwar x’naħsbu u nemmnu fuqna nnifisna. Kanzunetta b’kompożizzjoni ta’ Glen Vella u miktuba minn Philip Vella.
Jasmine, irringrazzjat lil dawk kollha li tawha sapport fil-karriera tagħha u ħeġġet lil kull persuna biex temmen fiha nnifsha u qatt ma taqtha qalba.
Din kienet is-sitt edizzjoni ta’ dan il-festival, fil-finali li sar ilbieraħ filgħaxija fl-MFCC f’Ta’ Qali, b’16-il kanzunetta finalista li ċċelebraw il-lingwa Maltija.
Il-votazzjoni għall-finali, kienet miftuħa kemm għall-udjenza tas-sala, kif ukoll dik televiżiva permezz tal-SMS voting, flimkien mal-vot tal-ġurija.
Jasmine twieldet fit-22 ta’ Jannar 1999, u sa minn età żgħira sabet il-vuċi tagħha fil-kant u fil-kitba. Il-vjaġġ professjonali tagħha beda fuq programm televiżiv li fetaħ il-bieb għal opportunitajiet li kabbru l-istil u l-preżenza tagħha fuq il-palk. Minn hemm ‘il quddiem, il-passjoni tagħha li taqsam l-emozzjoni permezz tal-mużika saret aktar b’saħħitha.
Fost il-mumenti ewlenin tal-karriera tagħha hemm CHOGM 2015, fejn kantat waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ quddiem ir-Reġina Eliżabetta II, il-Eurovision 2016 u 2018, Rockestra 2016, kif ukoll produzzjonijiet nazzjonali bħall-50 Sena ta’ Mużika Maltija, Djamanti Mużikali u Valletta 2018.
Hija ħadet sehem ukoll fit-tieni staġun tal-X Factor Malta, Mużika Mużika 2023 (fejn ikklassifikat fit-tielet post) u 2025, kif ukoll f’ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Malta fl-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Awstralja. Jasmine ħadet sehem ukoll fil-Malta Film Awards 2022 u 2024, id-Dubai Expo 2020 u bosta avvenimenti prestiġjużi oħra. Illum, Jasmine tibqa’ tafferma ruħha bħala artista li tħalli marka f’kull proġett li tieħu sehem fih.
//= $special ?>

