Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Kollox jibqa miftuħ qabel l-aħħar ġurnata

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Il-programm ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien limitat għal żewġ partiti biss hekk kif il-konfront bejn Caffè Moak Luxol u Valletta Dream ma ntlagħabx, wara li Valletta taw walk-over minħabba nuqqas ta’ players.Intant bir-riżultati ta’ tmiem din il-ġimgħa, kollox għadu miftuħ għall-klassifika finali u sè tkun l-aħħar ġurnata li trid tiddeċiedi is-semi-finali tal-playoffs li jibdew fis-sitta ta’ April.

Hibernians………………..60

Betsson Depiro………..59

(15-13)(16-16)(15-15)(14-15)

Hibernians kisbu rebħa ristretta ta’ 60-59 fuq Bettson Depiro biex reġgħu telgħu fl-ewwel post ġimgħa qabel il-konfront dirett kontra Caffè Moak Luxol. Hibs però kellhom l-isfortuna li jitilfu lil Steffi De Martino b’injury f’mument daqshekk kruċjali tal-istaġun. Hibs kienu kemmxejn aktar aggressivi fid-difiża u ġġeneraw 16-il punt minn turnovers, filwaqt li żammew ukoll vantaġġ fit-tul tal-ħin minn fuq. Iż-żewġ timijiet kienu viċin ħafna fl-istatistika, iżda l-kontroll żgħir tar-rebounds u l-effiċjenza kemmxejn aħjar fiż-żona għenu lil Hibernians iżommu l-vantaġġ fil-mumenti kruċjali. Depiro baqgħu dejjem fil-logħba u kellhom ċans fl-aħħar pussess, iżda ma rnexxielhomx idawru r-riżultat.Depiro fetħu l-partita bi trippla ta’ Neve Borg qabel ma Hibs irrispondew bil-punti ta’ Lara Micallef flimkien ma’ De Martino u Hayley Macleod. Depiro reġgħu marru fuq quddiem permezz ta’ Julia Borg Xerri u Borg fit-tmien minuta kienu 13-8 minn fuq wara basket ta’ Celine Fenech. Hibs irnexxielhom jaqilbu l-iskor wara run ta’ 7-0 li għalquha bi trippla ta’ De Martino għal skor ta’ 15-13. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin speċjalment De Martino u Borg Xerri biex sas-sitt minuta, Hibs kienu għadhom 22-19 minn fuq. Trippla oħra ta’ N. Borg flimkien ma’ Lovely Sonnier poġġew lil Depiro fuq quddiem 26-23 però Hibs għamlu run oħra ta’ 8-0 biex daħlu jistrieħu basket minn fuq 31-29.

It-tielet sessjoni kompliet bl-istess andament fejn kien hemm bilanċ perfett bl-ebda team ma jirnexxielhu jieħu vantaġġ sostanzjali. Trippla ta’ De Martino u punti minn Micallef u Josephine Diaby poġġew lil Hibs 41-35 minn fuq fir-raba’ minuta però pronta kienet ir-risposta ta’ Depiro bi tlett baskets wara xulxin minn Sophie Abela, Sonnier u Claire Privitera. Qabel intemmet it-taqsima kien hemm trippla oħra fuq kull naħa minn De Martino u Borg Xerri biex Hibs baqgħu fuq quddiem 46-44. L-aħħar sessjoni wkoll fetħet bi trippli minn De Martino u Sonnier u tista tgħid li tul il-ħin kollhu ż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin. Macleod u De Martino qasmu l-punti tal-Pawlisti sakemm basket ta’ Maria Bonett fl-aħħar ħinijet poġġa lil Hibs 4 minn fuq 60-56. Fl-aħħar sittax-il sekonda, Sonnier għamlet trippla oħra u wieħed stenna li Depiro jagħmlu l-fouls biex iwaqqfu l-arloġġ u jsalvaw il-partita. Dan però ma seħħx hekk kif Hibs komplew idawwru l-ballun u finalment ħarġu rebbieħa 60-59.

Hibernians: M.Buhagiar, L. Micallef 5, S. Lecuyer 4, M. Bonett 2, S. De Martino 24, M. Marmara, H. Macleod 15, J. Diaby 10, K. Sammut.

Betsson Depiro: S. Abela 6, Y. Mangion, J. Borg Xerri 12, J. Mallia, C. Privitera 4, C. Fenech 4, J. Borg 2, C. Portelli, N. Borg 10, L. Sonnier 23, S. Deguara, H. Farag.

Referees: Jacques Seifert, Andre Attard.

Starlites Revive………72

Athleta………………….50   

(24-13)(19-14)(17-10)(12-13)

Starlites Revive kisbu rebħa komda ta’ 72-50 fuq Athleta f’partita li kkontrollaw mill-bidu sal-aħħar, fejn żammew il-vantaġġ għal kważi l-40 minuta kollha. Id-differenza kienet ċara fid-difiża aggressiva li ġġenerat 25 punt minn turnovers u wkoll fil-logħob veloċi b’31 punt mill-fast break. Starlites kienu superjuri wkoll fir-rebounds (67 kontra 39) u sfruttaw aħjar it-tieni opportunitajiet b’17-il punt, filwaqt li kellhom ukoll aktar ċirkolazzjoni tal-ballun fl-attakk. Athleta sabu diffikultà kbira biex jiskorjaw, speċjalment fiż-żona fejn kellhom percentwal baxx ħafna, u sabuha diffiċli  jidħlu fil-logħba. Starlites kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom għalkemm Philippa Riolo ma ħaditx sehem fil-partita minħabba injury fl-ispalla fil-waqt li Athleta kellhom lil Noelle Cassar minflok Sharon Vella. Starlites bdew bi trippli minn Mikela Riolo, Georgia Haverlock u Michela Zammit Cordina. Wara punti minn Nicole Vella għal Athleta, Starlites komplew bi break ta’ 9-0 bi trippla oħra minn Riolo u marru 18-4 minn fuq. Finalment, Athleta rrispondew bi trippli minn Macy Tyler Smith u Vella però Starlites temmew l-ewwel taqsima 24-13 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Starlites bdew bil-punti ta’ Zammit Cordina flimkien ma’ Makaila Napoleon u Becky Naudi biex kabbru l-vantaġġ 34-19. Athleta kellhom mument tajjeb bi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Julia Schembri biex waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod 27-34. Starlites irkupraw u għalqu s-sessjoni b’run ta’ 9-0 biex daħlu jistrieħu 43-27 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites kellhom il-punti ta’ Zammit Cordina u Ferrando bi Schembri twieġeb bi trippla. Athleta għamlu break qasir ta’ 6-1 għalkemm Starlites kienu għadhom 14 minn fuq 50-36. Starlites komplew bi break ta’ 10-0 biex temmew it-taqsima 60-37 minn fuq. Athleta għamlu l-ewwel 4 punti tal-aħħar sessjoni però Starlites malajr irrispondew bi break ta’ 8-0 għal vantaġġ ta’ 27 punt 68-41. Fl-aħħar tlett minuti, kien hemm l-aħħar punti minn Athleta permezz ta’ Smith u Eliza Farrugia għal skor finali ta’ 72-50.

Starlites Revive: Y. Ferrando 2, M. Riolo 11, C. Cilia 2, P. Riolo, M. Zammit Cordina 16, M. Fenech 2, R. Naudi 8, G. Haverlock 17, L.M. Zammit 3, M. Napoleon 7, J. Abela 3, J. Dabic 1.

Athleta: E. Farrugia 4, J. Schembri 7, N. Vella 9, K. Calleja 1, A. Micallef, K. Caruana 2, M. Tyler Smith 21, N. Cassar, K. Abela, L. Camilleri 6, A. Pisani

Referees: Miguel Pablo De Flavia, Wendell Lim