Lokali

Sirjan fil-periklu tal-mewt wara argument li seħħ f’San Ġiljan

Sirjan ta’ 32 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’argument ma’ Malti ta’ 37 sena residenti Pembroke li seħħ fi stabbiliment tad-divertiment f’San Ġiljan.

Il-Malti kien arrestat kmieni dalgħodu b’rabta ma’ dan l-argument.

Il-Pulizija li kienu xogħol f’Paceville kienu nfurmati minn ħaddiem ta’ stabbiliment tad-divertiment li kien għadu kemm seħħ argument bejn żewġ persuni, għall-ħabta tas-01:00.

Immedjatament l-uffiċjali daħlu u ġie identifikat l-allegat aggressur. Il-Pulizija intervjeniet u
arrestat lir-raġel filwaqt li ttiħidlu strument żgħir li jaqta’ u bil-ponta, b’mod sigur, biex ma
jweġġgħux persuni oħra.

Fl-istess ħin li kien qed isir l-arrest, il-persuna l-oħra involuta fl-argument, Sirjan ta’ 32 sena
residenti Ħaż-Żabbar, ingħata l-assistenza minn uffiċjali oħra stazzjonati fiż-żona, li sejjħu
għall-assistenza medika hekk kif instab li kellu ġrieħi f’għonqu.

Tim mediku ġie fuq il-post fejn ftit tal-ħin wara ħadu lir-raġel permezz t’ambulanza lejn l-isptar
Mater Dei. Aktar tard, huwa kien ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia kien infurmat u ħatar inkjesta dwar il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadħom għaddejjin.