Is-sitwazzjoni tal-Gwerra fl-Iran kapaċi ssir inkontrollabbli wara li l-Iran hedded li jeqred darba għal dejjem is-siti bil-faċilitajiet tal-enerġija madwar il-Lvant Nofsani u li għandhom konnessjoni twila u ċara mal-Istati Uniti.
Ir-reġim f’Teheran u l-Gwardja Repubblikana tal-Iran – bħala l-akbar qawwa ta’ dak il-pajjiż u li għandha wkoll influwenza politika kbira – wissew li l-għażliet kollha jinsabu fuq il-mejda jekk kemm-il darba l-Istati Uniti u Iżrael jikkonċentraw l-attakki fuq l-istallazzjonijiet konnessi mal-grid li qed jipprovdi l-enerġija lill-Iranjani.
L-allarm qed jinħass sew wara li l-President Amerikan, Donald Trump, sostna li pajjiżu għandu jeqred għal kollox lill-faċilitajiet tad-dawl tal-Iran f’każ li l-Iranjani ma jippermettux għall-movimenti tat-tankers taż-żejt u bastimenti oħrajn merkantili mir-Rotta ta’ Hormuz…Il-medda ta’ baħar li minnu jiġi trasportat mal-20 fil-mija taż-żejt fuq livell globali.
Donald Trump, b’dan il-kumment, ta 48 siegħa ċans lill-Iran biex jiftaħ mill-ġdid din ir-Rotta u wara li l-qawwiet Iranjani ilhom il-jiem jisparaw il-missili u d-drones lejn it-tankers fil-baħar li spiċċaw fi stat ta’ paraliżi.
Dan id-deadline mistenni li jiskadi fi ftit sigħat oħra, fost l-istennija li l-Amerikani u l-Iżraeljani jżidu l-intensità tal-attakki fuq l-Iran.
Madankollu, ir-reġim f’Teheran wassal il-messaġġ li mhux se jispiċċa intimidat u li jinsab lest għall-azzjonijiet aktar devastanti fuq l-infrastruttura kruċjali madwar ir-reġjun tal-Golf jekk ikun kostrett li jagħmel dan… Infrastruttura li, għall-Iranjani, hi kunsidrata bħala mira leġittima f’din il-gwerra.
Il-poplu Iranjan, fl-istess ħin, jinsab imwerwer mill-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni, bis-sorsi fil-pajjiż li kuntattjaw lill-media ta’ barra jiżvelaw il-biża’ tagħhom li l-Iran ma jeżistix aktar bħala pajjiż mingħajr is-sorsi tal-elettriku.
It-taqsima tas-servizzi sigrieti mal-Gwardja Repubblikana tal-Iran, issa, ippubblikat id-dettalji ta’ strateġija tal-gwerra partikulari u li tindika li l-pjani tar-reġim b’konnessjoni mal-gwerra għandhom iwasslu ħafna ‘il hinn mir-reġjun tal-Golf.
Il-messaġġ hu ċar li l-Iran beħsiebu jiġġieled din il-gwerra bil-mezzi kollha għad-dispożizjoni tiegħu u fejn se jkun qed jikkonċentra wkoll fuq miri politiċi u teknoloġiċi b’ritaljazzjoni għar-rejds tal-ajru kontinwi fuq artu mill-militar ta’ Iżrael u l-Istati Uniti.
Il-Gwardja Repubblikana tal-Iran, fl-istess ħin, insistiet li qed tikkonsolida s-saħħa militari madwar ir-Rotta ta’ Hormuz u li, sallum, qed tikkontrolla l-movimenti tar-riżorsi tal-enerġija għall-kumplament tad-dinja.
Iran, fl-aħħar sigħat, spara diversi missili lejn il-bażi militari fil-gżira ta’ Diego Garcia, li tinsab fl-Oċean Indjan – u liema bażi hi mmexxija mir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Din il-bażi għandha importanza kbira minn aspett strateġiku u l-Britanniċi ma żammewx lura milli jikkundannaw dan l-attakk, bil-missili tal-Iranjani ma jolqtux għal ftit lil din il-gżira li tinsab 4,000 kilometru ‘il bogħod mill-Iran.
Sadanittant, Iżrael, fl-aħħar sigħat, fetaħ baraxx ieħor ta’ missili fuq iċ-ċentri tal-Gwardja Repubblikana f’Teheran,bl-Iranjani wkoll jisparaw il-missili lejn l-ibliet Iżraeljani. L-aħħar rapporti minn Iżrael qalu li ndarbu talanqas 160 fl-aħħar attakki tal-Iranjani li, fost oħrajn, immiraw il-missili lejn faċilità nukleari ftit kilometri ‘il hinn mill-belt ta’ Dimona.
Fl-istess ħin, l-Istati tal-Golf, ġirien tal-Iran, mill-ġdid spiċċaw mira għall-missili tar-reġim Iżlamiku, bis-sistemi tad-difiża fl-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab jerġgħu jinterċettaw il-missili sparati lejn l-istallazzjonijiet tal-fuel fl-artijiet rispettivi.
//= $special ?>

